Il-Borża ta’ Malta għandha tiffaċilita l-qalba li jmiss għall-ekonomija sabiex din tagħmel it-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika.
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel fil-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali tal-Federazzjoni Dinjija tal-Boroż Finanzjarji, li qed titlaqqa’ f’Malta.
Il-Prim Ministru, quddiem uħud mill-mexxejja tal-akbar boroż finanzjarji fid-dinja u rappreżentanti ta’ investuri li jiffurmaw parti mill-infrastruttura ekonomika dinjija, aċċenna għall-importanza favur aktar innovazzjoni u soluzzjonijiet mill-Borża ta’ Malta biex id-depożiti b’saħħithom li għandu pajjiżna fil-bandek jaslu għand in-negozji biex jinvestu.
Sostna kif il-Gvern se jkun qed jgħin f’dan il-proċess.
Dr Robert Abela saħaq li l-isfida għall-qalba favur ekonomija iżjed ambjentali, għandha l-potenzjal li tkun l-akbar opportunità ekonomika għall-ġenerazzjoni preżenti.
Il-Prim Ministru sostna li Malta hija impenjata li tkompli tkun parti minn koperazzjoni ekonomika internazzjonali u rrimarka kif pajjiżna għandu waħda mill-akbar ekonomiji miftuħa għall-kummerċ, bl-importazzjoni u l-esportazzjoni jiżbqu l-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna.
Spjega kif Malta għandha qasam b’saħħtu tas-servizzi finanzjarji, bandiera Maltija b’waħda mill-aqwa reputazzjoni fis-settur marittimu, settur tal-avjazzjoni li qed ikompli jikber u industriji bħal dik tal-informatika u l-gaming li qed jespandu b’ritmu mgħaġġel.
F’dan l-isfond, il-Prim Ministru qal li l-Borża ta’ Malta kellha rwol importanti f’dawn l-iżviluppi u llum iddiversifikat iżjed tant li tiġbor fiha ’l fuq minn mitt entità lokali.
Intant, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Borża ta’ Malta Joseph Portelli sostna l-importanza ta’ din il-konferenza sabiex tissaħħaħ l-infrastruttura tas-suq finanzjarju kemm f’Malta u anke internazzjonalment.
Irrimarka li d-diskussjonijiet f’din il-konferenza fit-tliet ijiem li ġejjin għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet dinjin.
@TheWFE General Assembly held in 🇲🇹 I underlined the importance of the role of exchanges to connect savers & investors to provide capital to generate global prosperity. I also highlighted #Malta’s aim to become climate neutral and how financial services can help achieve this. -RA pic.twitter.com/wiusspV7uo
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 28, 2022