Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-fabbrika l-ġdida ta’ Classic Design Woodworks, fiż-żona industrijali ta’ Bulebel, li saret b’investiment ta’ €1.2 miljun.
L-investiment jikkonsisti f’faċilità mgħammra bl-aħħar makkinarju tal-ogħla livell u l-aħjar teknoloġija, filwaqt li toffri ambjent isbaħ u aktar sigur għall-ħaddiema.
Waqt iż-żjara li għamel u fil-preżenza tad-Direttur ta’ Classic Design Woodworks Sammy Ellul, il-Prim Ministru Robert Abela, Innota r-reżiljenza u r-rieda tal-imprenditur Malti li minn ħaddiem għal rasu, bena kumpanija li llum qed tħaddem 14-il persuna.
Matul l-aħħar snin il-kumpanija kabbret il-produzzjoni tagħha b’mod sostanzjali, fil-fatt is-Sur Ellul innota li l-aħħar sitt snin beda jara x-xogħol jiżdied b’ritmu qawwi u għalhekk għażel li jkabbar l-operat tiegħu: kemm mill-aspett infrastrutturali kif ukoll mill-aspett uman; għalhekk, kellha tħalli l-operat tagħha fil-Marsa u tirriloka f’Bulebel.
Fil-fabbrika l-ġdida, is-Sur Ellul esprima s-sodisfazzjoni tiegħu mal-Prim Ministru għall-fatt li l-Wage Supplement u l-inizjattivi li ħa f’waqthom il-Gvern sabiex jinżammu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli kienu deċiżjonijiet kruċjali biex negozji bħal dawk fil-manifattura jibqgħu jinvestu.
Classic Design Woodworks hija kumpanija li timmanifattura għamara ta’ kull daqs u ilha stabbilita fl-industrija lokali mill-familja Ellul għal dawn l-aħħar 20 sena.