Illum il-Mexxejja Ewropej qed jiltqagħu għall-ewwel summit li mhux se jsir b’mod virtwali mill-pandemija COVID-19.
L-istimolu ekonomiku ta’ €750 biljun se jkun fuq nett tal-aġenda, apparti wkoll li kull mexxej se jkun qed jinnegozja l-aħjar baġit għal pajjiżu għas-seba’ snin li ġejjin.
Il-Prim Ministru Robert Abela se jattendi għal dan is-summit, li mistenni jintemm għada, is-Sibt.
Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel stqarr li l-pakkett propost għall-baġit multiannwali Ewropej li jiġbor fih ukoll il-pjan ta’ rkupru mill-pandemija, huwa msejjes fuq prijoritajiet Ewropej fosthom trasformazzjoni tal-klima, agenda diġitali u valuri Ewropej għal Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja.
Il-pjan ta’ rkupru jħares li jsewwi l-ħsara li kkawżat il-pandemija, jirriforma l-ekonomiji Ewropej u jħejji mudell ġdid għas-soċjetà tagħna.
Il-Framework Finanzjarju Multiannwali, magħruf aħjar bħala l-MFF huwa maqsum f’sitt biċċiet li fost oħrajn jitratta l-implimentazzjoni tal-oġġettivi fit-tul li għandha l-Unjoni Ewropea filwaqt li għandu l-għan jippreserva l-pjan ta’ rkupru kollu. Għal dawn l-oġġettivi, il-President tal-Kummissjoni ppropona 1,074 biljun sabiex dawn jiġu implimentati.