Intemmet b’suċċess l-open day tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, hekk kif folla numerża attendiet bi ħġarha sabiex jaraw il-ħidma tal-partit mill-viċin.
Fil-fatt, is-Sibt filgħodu, il-folla bdiet tinġema’ sa barra t-triq quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista minn qabel ma nfetħu l-bibien għall-pubbliku.
Il-maġġoranza ta’ dawk li attendew ġeddu s-sħubija tagħhom mal-Partit Laburista jew ngħaqdu mal-Partit għall-ewwel darba, bħala parti mill-kampanja RENEW.
Dawk preżenti kellhom l-opportunitá wkoll anke jitilgħu mal-uffiċċji tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista
Mal-ħin, kienu bosta li tkellmu wkoll mal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, li ltaqa’ ma kull min kien preżenti. Huwa sema’ anke l-ideat tan-nies, u stqarr li l-ħidma sabiex tkompli tittejjeb il-kwalitá tal-ħajja tan-nies ma tieqaf qatt.
ONE News tkellem ma’ uħud li għażlu jqattgħu ftit siegħat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Fost dawk preżenti, kien hemm sentiment ta’ appoġġ kbir lejn il-Partit Laburista.
“Huwa xieraq, huwa żmien partikolari fejn il-Partit Laburista għandu bżonn l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu, speċjalment dawk ta’ twemmin Laburista, u anke dawk li m’humiex għall-ġid kbir li l-Partit Laburista qed jagħmel.”
Oħrajn innutaw il-folla sabiħa li ġiet bi ħġarha ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
“Tiġi hawn u tara lil dan-nies kollha ittik kuraġġ u jagħmillek kuraġġ qawwi għax tara ħafna entużjazmu, tara ħafna l-istorja, taqra fuq l-istorja tal-partit.
Vera Alla jbierek, il-ħin kollu ġejjin, min x’ħin beda lanqas waqfu n-nies. Vera, in-nies japprezzaw.”
B’mod simili, innota l-andament pożittiv ta’ din l-attivitá il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randoplh De Battista.
Huwa stqarr li minkejja l-ħidma li saret sabiex dan l-avveniment ikun wieħed ta’ suċċess, huwa xorta waħda qal li kien sorpriż b’dan l-appoġġ sinifikanti.
“Meta tkellimt ma’ sħabi tal-amministrazzjoni, u mal-Prim Ministru dwar din l-attivitá, stennejna li se jiġu n-nies imma ma stennejniex dan ir-rispons. Dak juri li l-Partit Laburista huwa partit mimli bl-enerġija, u s-saħħa tan-nies hija importanti biex tkompli ttina l-enerġija ħalli nkomplu inbidlu dan il-pajjiż.”