Fl-ewwel impenn uffiċjali tiegħu barra l-pajjiż, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħat fi Brussell mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej.
F’jum mill-aktar impenjattiv, Dr Abela ltaqa’ mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel fejn ġiet d-diskusssa l-ħidma li qed titwettaq biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
Hawnhekk il-Prim Ministru spjega l-passi li ttieħdu fosthom li nħatar Kumitat fi ħdan il-Kabinett biex jiddiskuti l-governanza u mod ġdid, miftuħ u trasparenti għall-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Ma’ Charles Michel, Robert Abela ddiskuta wkoll il-baġit Ewropew, li se jkun it-tema ewlenija tal-Kunsill Ewropew fi Frar li ġej.
F’dan il-Kunsill li Malta għall-ewwel darba se tkun rappreżentata mill-Prim Ministru ġdid, il-mexxejja tal-istati membri jridu jaqblu fuq pakkett finanzjarju għas-seba’ snin li ġejjin.
Fi kliem il-Prim Ministru Malti, huwa jrid jilħaq ftehim ġust għall-pajjiżna.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel awgura lill-Prim Ministru Robert Abela fl-irwol tiegħu tah l-appoġġ kollu tiegħu biex ikompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt f’Malta.
L-impenn ta’ Dr Abela ssokta b’laqgħa kordjali mal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli.
F’din il-laqgħa ġiet diskussa l-immigrazzjoni u l-ħtieġa ta’ qabel għal soluzzjoni permanenti għal din l-kwistjoni.
Id-diskussjonijiet iffokaw ukoll fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew li jitkellem dwar miri ta’ enerġija li tiġġedded, it-tibdil fil-klima u temi oħra ambjentali.
Intant il-Prim Ministru Abela kellu laqgħa wkoll mal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin fil-Parlament Ewropew.
F’żewġ laqgħat separati, waħda mad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew u l-oħra mad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru ddiskuta diversi temi fosthom il-ħtieġa ta’ aktar djalogu mal-Istituzzjonijiet Ewropej u l-ħtieġa li fl-Istituzzjonijiet Ewropej ikun hemm politiċi li jħarsu l-interessi ta’ pajjiżhom.
Dr Abela kompla b’impenji uffiċjali tiegħu billi żar il-ħaddiema ta’ Dar Malta fiċ-ċentru ta’ Brussell.
Hemm hekk il-Prim Ministru ra mill-qrib ħidmet ir-rappreżentanza permanenti Maltija fl-Unjoni Ewropea.