Fil-marġini tad-79 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres, li fiha ġew diskussi diversi temi, fosthom il-Libja u l-Mediterran, it-tensjonijiet li qed ikomplu jeskalaw fil-Lvant Nofsani u t-terminu ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà fi ħdan il-Ġnus Magħquda.
Dwar il-Libja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta ilha tadvoka favur l-istabbiltà ta’ dan il-pajjiż, partikolarment biex il-prosperità u l-istabbiltà fil-qalba u n-Nofsinhar tal-Mediterran tkun aktar b’saħħitha. Spjega l-importanza li partijiet differenti fil-Libja jiġu aktar qrib xulxin biex ikun hemm proċess leġittimu mmexxi mil-Libjani għal-Libjani u hemm bżonn li dan ikompli jimxi ’l quddiem mingħajr xkiel fl-interess tas-sovranità, is-sigurtà u l-integrità territorjali ta’ dan il-pajjiż u l-poplu tiegħu.
Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York, il-Prim Ministru Malti wera tħassib mas-Segretarju Ġenerali Guterres dwar l-eskalazzjoni tal-gwerra fil-Lvant Nofsani, issa tkompli tikber anki fil-Libanu. Dwar is-sitwazzjoni f’Gaza, Dr Abela qal li Malta laqgħet id-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali għall-Ġustizzja li tipproteġi l-interessi tan-nies ċivili fl-istrixxa ta’ Gaża u titlob għal aċċess ta’ għajnuna umanitarja partikolarment f’Rafah.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern Malti jtenni wkoll l-appell biex il-Hamas jeħles bla ebda kundizzjoni l-ostaġġi li għadhom jinżammu wara l-attakki fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-djalogu jibqa’ l-aqwa għodda u partijiet oħra, fosthom l-Unjoni Ewropea, għandhom jaħdmu flimkien favur il-paċi u l-istabbiltà fil-Lvant Nofsani u l-Mediterran. Żied jgħid li pajjiżna jibqa’ jemmen fil-pożizzjoni soda tiegħu favur is-soluzzjoni taż-żewġ Stati fejn il-popli ta’ Iżrael u tal-Palestina jgħixu biswit xulxin fil-paċi u fis-sigurtà.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres irringrazzja lil Malta għas-sehem qawwi tagħha favur il-paċi permezz tal-irwol importanti tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà. Dan apparti li pajjiżna tella’ fuq l-aġenda temi oħra importanti marbuta mat-tibdil fil-klima, l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ħarsien tat-tfal kontra li dawn jispiċċaw f’armati f’żoni ta’ kunflitti.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Malti għal-laqgħa bilaterali kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti Vanessa Frazier u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.