Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja u ta rikonoxximent lill-atleti li rrappreżentaw lil Malta fil-Logħob Dinji tal-Olimpjadi Speċjali li saru f’Berlin fil-jiem li għaddew.
Il-Prim Ministru u martu Lydia Abela rringrazzjaw lill-atleti, lit-tim tekniku minn Special Olympics Malta u lill-ġenituri li kienu lkoll ta’ appoġġ għall-atleti li kisbu suċċessi għal pajjiżna. Fil-fatt, f’dawn il-Logħob Dinji tal-Olimpjadi Speċjali, Malta kisbet l-akbar ammont ta’ midalji tad-deheb. Pajjiżna kiseb sittax-il midalja tad-deheb, ħdax-il midalja tal-fidda u erba’ midalji tal-bronż f’seba’ dixxiplini sportivi li kkompeta fihom.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li l-isport huwa mezz ieħor fejn kulħadd jista’ jkun protagonist u feraħ lill-kontinġent Malti. Għall-preżentazzjoni tar-rikonoxximent lil kull atlet ta’ Special Olympics Malta, attendew ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Ritratt: OPM-DOI