Kmieni llum waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela se jiltaqa’ mal-Kanċillier tal-Ġermanja Olaf Scholz. F’Berlin, iż-żewġ Mexxejja li ltaqgħu kemm il-darba anki fuq livell ta’ Mexxejja tal-partiti politiċi hekk kif iż-żewġ Mexxejja huma parti mill-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej, se jiltaqgħu f’laqgħa bilaterali fil-Kanċillerija Ġermaniża.
Iż-żewġ Mexxejja mistennija jiddiskutu aktar koperazzjoni f’setturi ekonomiċi fosthom dawk innovattivi. Il-Ġermanja hija sieħeb strateġiku għal Malta fl-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti u servizzi.
Dr Abela u Scholz mistennija jitkellmu dwar sforz kollettiv li jindirizza t-traffikar uman marbut mal-immigrazzjoni kif ukoll il-Prim Ministru Malti għandu jtenni l-impenn ta’ Malta favur djalogu quddiem sfidi globali marbuta mas-sigurtà, partikolarment fil-Lvant Nofsani u fl-Ewropa bil-gwerra fl-Ukrajna.
Fi tmiem it-taħdidiet mal-Kanċillier Ġermaniż, Dr Abela u Scholz mistennija jindirizzaw lill-midja f’konferenza tal-aħbarijiet. Il-laqgħa f’Berlin tal-lum issegwi laqgħat li kellu l-Prim Ministru Malti fi Vjenna mal-Kanċillier Awstrijak Karl Nehammer matul il-jum tat-Tnejn.
Dan fl-istess ġurnata, li l-Kunsill Permanenti tal-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, irrakomanda li Malta jkollha f’idejha l-Presidenza tal-istess kunsill, is-sena d-dieħla. Fi Vjenna, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, Helga Schmid, fejn Dr Abela esprima wkoll il-gratitudni tiegħu għall-fiduċja murija lejn pajjiżna.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela f’Berlin hemm ukoll il-Ministri Ian Borg, Silvio Schembri u Byron Camilleri.