Il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta r-riformi li l-Gvern qed iwettaq u għandu maħsuba fl-oqsma tal-ġustizzja u t-tisħiħ tas-sigurtà ma numru ta’ studenti attivi f’għaqdiet studenteski.
Dan tħabbar fi stqarrija hekk kif ġie spejgat li kien il-Prim Ministru li stieden rappreżentanti minn dawn l-għaqdiet fil-Berġa ta’ Kastilja biex jisma’ wkoll mingħandhom proposti li għandhom għal dawn iż-żewġ setturi importanti.
Filwaqt li elenka bidliet importanti li saru fl-aħħar snin, il-Prim Ministru fisser kif il-Gvern għandu maħsuba iktar bidliet anke bbażati fuq dak propost fil-Manifest Elettorali.
Ġie rimarkat ukoll li filwaqt li pajjiżna jibqa’ wieħed mill-iktar siguri, u li r-rata ta’ kriminalità, hekk kif ikkonfermat minn studji ta’ akkademiċi, baqgħet waħda taħt kontroll, is-soċjetà trid tibgħat il-ħin kollu messaġġ ċar favur imġieba xierqa.
Fil-laqgħa rriżulta wkoll kif għadd ta’ proposti tal-istudenti għaddejja wkoll ħidma dwarhom.
Filwaqt li sema’ mingħandhom, il-Prim Ministru appella lill-istudenti biex jibqgħu attivi f’din id-diskussjoni u oħrajn, hekk kif il-Gvern hu determinat li jibqa’ jmexxi ‘l quddiem aġenda riformista li ma tikkuntentax bl-istatus quo jew b’dak li ksibna sal-lum.
Fil-fatt, irrefera għall-isfida li wieħed isib meta jipprova jbiddel anke ċerti prattiċi, inkluż fil-Qrati, u qal li minkejja dan, wieħed irid ikollu l-kuraġġ li jidħol għall-bidla.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Keith Azzopardi Tanti.