Il-Partit Laburista jinnota b’sodisfazzjon li l-Qorti laqgħet l-argumenti tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, b’rabta mal-każ ta’ Triq Zekka, fil-Belt Valletta. Dan il-każ ċivili nfetaħ mill-Prim Ministru fil-kapaċità tiegħu biex jiddefendi l-interess tal-poplu Malti wara rapport tal-Awditur Ġenerali u l-Qorti tatu raġun fis-sentenza tagħha.
Bis-sentenza tagħha l-Qorti ġabet fix-xejn il-kritika tal-Partit Nazzjonalista li kien tkellem kontra din il-kawża tal-Prim Ministru għax qal li hija logħba u saħansitra kien intqal li l-Prim Ministru fetaħ każ kontra tiegħu nnifsu.
Fil-fatt din il-kawża setgħet infetħet minn kull deputat parlamentari inkluż l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-kelliema tal-PN dwar is-suġġett.
Iżda, kien biss il-Prim Ministru li wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali ħa l-inizjattiva biex ikun imħassar il-ftehim li sar mas-Sur Gaffarena. Altru milli l-Prim Ministru fetaħ każ kontra tiegħu nnifsu.
Dan il-każ reġa’ wera għal darb oħra kif f’pajjiżna taħdem ir-rule of law, fejn lil hinn mill-ispin politiku il-Prim Ministru ħa l-azzjonijiet legali meħtieġa biex iddefenda lill-poplu Malti. Dan intqal mill-Partit Laburista fi stqarrija.
Ara wkoll: http://www.one.com.mt/2018/03/27/il-qorti-tiddeciedi-favur-il-kawza-tal-pm-fil-kaz-gaffarena/