Fil-Kottonera għaddejjin proġetti sbieħ u importanti biex fiż-żona jkun hemm postijiet aktar aċċessibbli.
Fin-nofs ta’ nhar tal-Ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela żar bosta proġetti u segwa mill-qrib il-ħidma fuq bosta inizjattivi fil-Kottonera.
Bi żjara fl-Isla, f’Bormla, il-Birgu u l-Kalkara, il-Prim Ministru assista għall-akbar investiment u proġetti ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni.
Il-Prim Ministru beda biż-żjara tiegħu billi permezz ta’ tal-linja card uża mingħajr ħlas is-servizz tal-ferry fil-Port il-Kbir, mill-Belt għal Bormla.
Tul il-vjaġġ qasir, akkumpanjat mill-Ministru għat-Trasport Chris Bonett, Dr Abela kellu ċ-ċans jitkellem man-nies li nzertaw fuq l-istess vjaġġ.
Mal-wasla tiegħu mexa għall-Isla fejn hemmhekk segwa x-xogħol fuq il-proġett ta’ riġenerazzjoni fid-daħla tal-Isla.
Il-proġett immexxi mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed jara r-restawr tas-swar, il-mini u l-gardjola, ikona marbuta mal-Isla.
Fil-preżenza wkoll tal-Ministru għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u tas-Sindku tal-Isla Clive Pulis, Dr Abela ra l-veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir minn fuq is-swar.
Minn hemm, il-Prim Ministru mar fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani f’Bormla fejn m’ilux beda jingħata servizz marbut mal-anzjanità attiva.
Hemmhekk fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea u s-Sindku Bormliż Marco Agius, tkellem mal-anzjani u nnota s-servizz fil-komunità favur l-anzjanità attiva.
Ma naqasx li bejn post u ieħor, fit-triq, il-Prim Ministru kompla jiltaqa’ man-nies tal-Kottonera.
Fil-fatt il-Prim Ministru nnota kif kull komunità ħaqqha l-aqwa kwalità tal-ħajja u servizzi tajbin.
Minn Bormla, il-Prim Ministru mar il-Birgu fejn mal-Ministru għall-Infrastruttura Chris Bonett segwa x-xogħol infrastrutturali li qed isir fuq żewġ pontijiet taħt Sant’Anġlu.
Wieħed minn dawn il-pontijiet se jkun għal dawk bil-mixi biss, fejn se jingħata aċċess aktar sigur.
Fil-Birgu kien hemm ukoll is-Sindku John Boxall.
Ftit ’il bogħod minn Sant’Anġlu mbagħad il-Prim Ministru mexa lejn il-klabb tar-regatta tal-Birgu fejn hemm qed isir xogħol ta’ tisbiħ fuq il-post permezz tal-involviment tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-dekasteru tax-xogħlijiet pubbliċi Omar Farrugia, il-Prim Ministru sema’ l-ħsibijiet tar-rappreżentanti tal-klabb li jkattru n-namra mal-isport tradizzjonali tar-regatta.
Ftit passi ’l bogħod il-Prim Ministru lemaħ xogħol li kien qed isir ta’ tindif, u flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-indafa pubblika Glenn Bedingfield, Dr Abela rrimarka l-ħtieġa li flimkien mar-riġenerazzjoni fil-Kottonera jkun hemm ħidma importanti favur iż-żamma ta’ post sabiħ.
Kien imiss imbagħad ix-xatt tal-Kalkara fejn għaddejjin xogħlijiet importanti biex quddiem il-Knisja parrokjali jkun hemm pjazza aktar miftuħa u aċċessibbli għan-nies.
Mal-Ministru Miriam Dalli u s-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina, il-Prim Ministru segwa mill-qrib xogħlijiet importanti ta’ servizzi li qed jgħaddu minn taħt l-art biex jinqdew ir-residenti.
Iż-żjara ntemmet fil-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara fejn mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, il-Prim Ministru ra r-restawr li qed isir fil-Knisja Konventwali.
“Ir-riġenerazzjoni li rajt hija wkoll il-preservazzjoni tal-karatteristiċi tal-Kottonera”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ fost oħrajn lir-rappreżentanti tal-għaqdiet u lis-Sindki u lill-Kunsilliera fil-Kottonera, li kienu għand il-Kapuċċini.
F’messaġġ importanti, il-Prim Ministru rrimarka għas-sinerġija li jeħtieġ li jkun hemm bejn il-Kunsilli Lokali, l-entitajiet u l-koporazzjonijiet li qed jaħdmu flimkien fuq Kottonera li tixraq għar-residenti u ta’ dawk li jżuruha.
Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar ukoll il-kontribut tal-għaqdiet fil-ħajja tal-komunità.
Dr Abela semma wkoll l-irwol ċentrali li għandhom il-Kunsilli Lokali li jistgħu jwettqu l-aspirazzjonijiet tar-residenti.