Is-settur turistiku hu qasam li jwassal għal progress soċjali u li bih ikompli jixpruna l-iżvilupp sostenibbli ta’ ġid għal pajjiżna. Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela, f’indirizz li għamel waqt it-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-proġett tal-Hard Rock Hotel Malta, li se jkun qed jinkorpora fih ukoll kumpless tal-ospitalità f’San Ġiljan.
Waqt attività li ċċelebrat din l-okkażjoni fl-investiment privat, li jlaħħaq it-€300 miljun, Dr Abela tkellem dwar kif investimenti simili ta’ kwalità jridu jwasslu biex il-prodott turistiku li joffri pajjiżna jkompli jogħla.
Semma kif, wara pandemija, illum qed nitkellmu fuq dħul iġġenerat mill-industrija tat-turiżmu, li sal-aħħar tas-sena hu stmat li se jlaħħaq it-tliet biljun ewro.
Dr Abela qal li investimenti privati jgħinu favur direzzjoni b’enfasi fuq il-kwalità u l-Gvern jappoġġja dak li fih jirrenja r-rieda tajba.
Il-Prim Ministru kompla li l-appoġġ tal-Gvern se jibqa’ permezz ta’ investiment fl-infrastruttura u tkabbir sostenibbli li jkompli jinjetta saħħa fit-turiżmu u fil-qasam tal-ospitalità anke billi jogħlew l-istandards.
Sostna li, b’hekk, ikompli jingħata futur lil dan il-qasam, li dejjem kien importanti għal pajjiżna, biex minnu nieħdu wkoll l-aqwa ġid għall-Maltin u l-Għawdxin.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja, minbarra l-investituri tad-DB Group, kien hemm ukoll il-Viċi President tal-kumpanija Hard Rock Intenational, John Rees.
“We’re here in Malta to celebrate the groundbreaking of an amazing project, our Hard Rock Hotel Malta. This has been something we have been cooking in the kitchen for a long time with these partners.”
Il-Viċi President tal-Hard Rock International, John Rees