Il-Prim Ministru Robert Abela ġie preżentat b’dokument imħejji mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija Maltija b’għadd ta’ rakkomandazzjonijiet dwar ix-xiri pubbliku.
Id-dokument ġie preżentat lill-Prim Ministru waqt laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Berġa ta’ Kastilja.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li d-dokument tfassal wara proċess ta’ konsultazzjoni mal-membri u huwa riżultat tal-ħidma tal-Kamra biex tkompli tippromwovi l-governanza tajba.
B’reazzjoni għall-preżentazzjoni tad-dokument, il-Prim Ministru Abela faħħar l-inizjattiva tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija u sostna li l-gvern se jkompli bil-ħidma tiegħu biex jgħolli l-istandards fil-qasam tal-governanza tajba inkluż dak biex jitjieb il-proċess ta’ xiri pubbliku.
Dan bil-għan li tkompli tiżdied it-trasparenza u l-poplu Malti u Għawdxi jieħu l-aqwa valur għall-flus fl-għoti tas-servizzi mogħtija.