Il-Prim Ministru qal li l-gvern jemmen li m’għandhomx ikunu l-politiċi li jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet ta’ żvilupp, inkluż ODZ. Meta kien qed jindirizza l-konferenza ġenerali straordinarja tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru qal: “Ma rridx inreġġa’ l-arloġġ lura li l-proġetti jiddeċiduhom il-politiċi. Aħna nirrifjutawha dik ir-riċetta u ngħidu aħna le ma naqblux.”
Joseph Muscat kien qed jireaġixxi għall-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jibdew ikunu l-politiċi li jibdew jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet f’żoni ODZ. Dan b’approvazzjoni tal-parlament li tkun trid iż-żewġ terżi.
“Ħaddieħor għamel bħal pinnur. Aħna l-pożizzjoni tagħna baqgħet konsistenti u dik ittik kredibbiltà,” qal il-Prim Ministru li reġa’ saħaq dwar id-differenza bejn applikazzjoni u deċiżjoni.
“Tiġġudikawniex dwar l-applikazzjonijiet għal żvilupp mis-settur privat,” qal Joseph Muscat li żied li l-ġudizzju jrid isir fuq dak li jiddeċiedu l-awtoritajiet kompetenti.