Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici, żaru lill-ġurista u l-poeta Malti, il-Professur John J. Cremona, hekk kif għalaq 101.
Il-Prim Ministru Muscat kellu l-opportunità jisma’ l-esperjenzi ta’ Cremona li tul il-karriera tiegħu serva bħala Avukat Ġenerali u eventwalment bħala Prim Imħallef ta’ pajjiżna kif ukoll Imħallef u Viċi President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Fost oħrajn issemma kif kien hu l-persuna li fasslet il-Kostituzzjoni ta’ Malta meta pajjiżna kiseb l-Indipendenza mill-Kuruna fl-1964, b’Cremona jirrakkonta diversi episodji kostituzzjonali.
Il-Prim Ministru semma li din is-sena se ssir konsultazzjoni wiesgħa, inkluż mal-Oppożizzjoni, dwar il-bidliet li qed jiġu proposti minn Malta u minn barra għal kostituzzjoni ġdida.
Fi tmiem iż-żjara, il-Prim Ministru ppreżenta lil J.J. Cremona pittura tal-artist ewlieni Malti u ħabib personali ta’ Cremona, Alfred Chircop.