“Jien u familti vittmi f’dan il-każ, iżda spiċċajt jien il-Qorti, niġi interrogat.”
Kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta l-Ġimgħa filgħodu xehed quddiem l-Imħallef Robert Mangion, f’kawża kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra l-Avukat Ġenerali dwar il-pubblikazzjoni sħiħa tal-inkjesta Egrant.
L-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja kkonkludiet li l-kumpanija Egrant la hi tal-Prim Ministru, u lanqas ta’ martu jew qrabatu, iżda gidba ċċertifikata. Mill-konklużjonijiet tal-inkjesta ħareġ ukoll li ġew iffalsifikati għadd ta’ dokumenti. Il-Prim Ministru, kalm u seren, wieġeb għall-kull mistoqsija li saritlu mill-Avukat Vincent Galea, li qed jidher għal Adrian Delia.
Xehed li wara li ġie mgħarraf mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici li l-inkjesta kienet wasslet għand l-Avukat Ġenerali, inkariga lill-avukat tiegħu Pawlu Lia, biex jikteb lill-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja. L-Avukat Ġenerali għadda kopja lill-avukat tal-Prim Ministru, iżda ta parir biex ma tiġix ippubblikata sħiħa. B’avukati oħra li kellem il-Prim Ministru, ukoll jagħtu l-istess parir.
“Jien l-ewwel wieħed li rrid li l-inkjesta tiġi ppubblikata”, reġa iddikjara l-Prim Ministru, sakemm jiġu protetti terzi persuni li ssemmew fiha u l-pubblikazzjoni ma xxekkilx l-investigazzjonijiet tal-pulizija biex jinstab minn kien hemm wara dan il-frame-up”, qal Dr Muscat.
Qal li l-inkjesta Egrant kienet importanti għalih, għax ibbaża l-karriera politika tiegħu fuqha. Qal li ried kopja biex jikkomunika mal-poplu l-aħbar ta’ jekk hux se jirreżenja jew le, minħabba li kien qal li jekk jinstab li Egrant hi ta’ martu jew ta’ xi ħadd minn qrabatu, kien jirreżenja minnufih.
Xehed li peress li ma qabilx mal-Avukat Ġenerali li l-inkjesta ma tiġix ippubblikata kollha, ikkonsulta mal-Ministru għall-Ġustizzja, l-avukat tiegħu u mal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, biex jaraw kif se jikkomunika l-aħbar tal-inkjesta bla ma jippreġduka l-każ b’dak li kien se jgħid fil-konferenza tal-aħbarijiet.
Dr Muscat qal li għadu sal-lum jara l-inkjesta, li l-konklużjonijiet tagħha kienu prova ċara li saret gidba fil-konfront tiegħu u ta’ familtu. Qal li f’April tal-2017 għamel xi ħaġa bla preċident, meta talab li tiġi investigata l-allegazzjoni kontrih u familtu. Saħaq li l-għan tal-allegazzjoni Egrant, kienet li tiddistabbilizza lill-pajjiż u l-ekonomoija, anke b’għadd ta’ dimostrazzjonijiet politiċi. Qal li bħala Prim Ministru waslitlu biex isejjaħ elezzjoni ġenerali u jibbaza l-karriera politika tiegħu ma’ din l-inkjesta.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici saħaq fuq l-awtonimija tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Xehed li fil-21 ta’ Lulju ċempillu l-Avukat Ġenerali, u għarrfu li l-inkjesta kienet lesta u li kien se joħroġ stqarrija biex jinforma lill-pubbliku.
Il-Ministru Bonnici qal li t-Tnejn talab lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja elettronika tal-inkjesta, u ħadd mill-Gvern jew mill-Partit Laburista ma talbu kopja tagħha.
Intant, b’reazzjoni għad-dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista qal li l-uniku żbilanċ sar fil-konfront tal-Prim Ministru permezz ta’ din il-ħadma li nkixfet.
Innota kif fil-Qorti il-Prim Ministru tela’ jixhed u wieġeb mistoqsijiet dwar każ li llum nafu bil-provi li kien gibda. Ittama li l-kawża ma twassalx biex ma ssirx ġustizzja ma’ min sofra għax il-każ ikun ippreġudikat u allura tagħti ċ-ċans li dawk responsabbli, biex ma jieħdux dak li ħaqqhom.
Il-Partit Laburista saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni flimkien ma’ dawk li għal bidu ddeċieda li għandu jneħħi wara li l-ħarġu l-konklużjonijiet, ma jużawx din l-okkażjoni sabiex tkompli ssir ħsara.