Il-Prim Ministru qal li min jagħmel l-allegazzjonijiet mingħajr ma jipprovahom għandu jinżamm kontabbli. Meta mistoqsi dwar l-aħħar allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia, li dwarhom diġà infetħu kawżi ta’ libell, il-Prim Ministru qal li dak li qed tgħid Caruana Galizia huwa “totalment falz.”
“Anke bħala mod ta’ diċenza min għandu jgħid xi ħaġa jgħidha u jipprovaha. Imma li tagħmel allegazzjonijiet insensati u ma turix evidenza mhux aċċettabbli,” qal il-Prim Ministru li nnota kif wara sena jagħmel l-allegazzjonijiet Simon Busuttil issa talab it-tagħrif.
“Mhux għamel sena jigdeb fuqi, jien ma tkellimtx u għamilt ħażin, u issa qed jipprova jgħid li l-kumpanija kienet jew hi tal-mara tiegħi jew tat-tfal tiegħi,” qal Joseph Muscat li żied biex fid-dibattitu politiku m’għandhomx ikunu attakkati l-familji.
“Jekk tridu tattakkaw lili attakkawni. Jekk tridu tattakkawni b’gidba attakawni. Idaħlux il-familji tan-nies,” qal lill-ġurnalisti tan-NET.