F’messaġġ ċar u skjett, mingħajr ekwivoki, il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li mhux se jħalli lill-bdoti tal-Air Malta jheddu l-għixien ta’ eluf ta’ Maltin. Dan hekk kif il-linja tal-ajru tinsab f’salib it-toroq; u xogħol li ilu għaddej snin qed jiġi pperikolat.
Tenna kif l-istrateġija tal-Gvern għall-Air Malta hija ċara: dik li l-linja nazzjonali tal-ajru tkompli tikber u ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran. Innota kif intlaħaq qbil mal-kategoriji kollha tal-ħaddiema tal-Air Malta ħlief mal-bdoti u hawnhekk fiehem il-pakkett li qed ikun offrut lill-istess bdoti. Qal li bħalma kienu offruti l-ħaddiema l-oħra, dawn ukoll qed ikunu offruti żidiet.
Żidiet li per eżempju f’każ ta’ first officer ilaħħqu t-tnejn u sebgħin elf ewro fuq ħames snin; u għall-Kaptana għal mija u ħamest elef ewro wkoll fuq ħames snin. B’dawn l-amonti, li qed jitlob il-Gvern huwa li jżidu s-sigħat u hawnhekk spjega kif fl-industrija hemm standards li jgħidu li min itajjar ajruplan irid jaħdem amont ta’ sigħat. Il-bdoti tal-Air Malta jaħdmu n-nofs. Skont dawn l-istandards, il-Gvern qed jitlob li jżidu s-sigħat, u ta’ dan ovvjament jingħataw żieda.
Il-Prim Ministru qal li jidher li dawn ma jridux iż-żieda u jridu jibqgħu kif inhuma; u dan mhux aċċettabbli. Il-Mexxej Laburista qal li qed jifhem li l-kwistjoni mhijhiex iż-żidiet imma x-xogħol u nies li ma jridux jibdlu l-prattiċi. Fakkar li dmiru huwa li jipproteġi lill-piloti li jridu jaħdmu, lill-ħaddiema tal-Air Malta l-oħra, lill-impjegati fis-settur turistiku, u lill-ekonomija Maltija kollha. Għaldaqstant tenna li l-Gvern jinsab lest biex jieħu l-miżuri kollha possibbli biex Malta dejjem jibqa’ jkollha l-linja tal-ajru tagħha.