Rapport tal-Kummissarju għall-Istandards qal li mill-investigazzjoni li saret ma setax jingħad li kien hemm ksur ta’ etika minn naħa tal-Prim Ministru Robert Abela.
Filwaqt li qal li fl-investigazzjoni kellu ċertu limitazzjonijiet, il-Kummissarju George Hyzler, kkonkluda li l-fatt li saret komunikazzjoni mill-Prim Ministru mal-Kummissarju għat-Taxxi ma tfissirx li kien hemm ksur ta’ etika.
Irrefera wkoll għall-fatt li mal-ġurnalisti il-Prim Ministru kien spjega kif hu kien għadda tagħrif li rċieva dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan l-ilment beda wara li fil-gazzetti kien żvelat li Bernard Grech għamel snin ma jħallasx it-taxxa qabel daħal fil-politika.
Eventwalment it-Times of Malta rrapportat li seta’ kien hemm komunikazzjoni mal-Prim Ministru fuq dan is-suġġett u Arnold Cassola daħħal ilment kif jagħmel ta’ sikwit meta jara xi ħaġa miktuba x’imkien. U dan mingħajr ma jipprova dak li jallega.
Fir-risposta tiegħu, il-Prim Ministru wieġeb li dejjem aġixxa f’konformità ma’ dak li titlob minnu l-kariga u żied li jekk min għamel l-ilment jemmen li kien hemm xi nuqqas, għandu jipprovah.
Tul l-investigazzjoni tiegħu l-Kummissarju għall-Istandards kellem diversi istituzzjonijiet u lill-editur tat-Times of Malta nnifsu.
Finalment, ikkonkluda li ma jistax jgħid li kien hemm jew li ma kienx hemm ksur ta’ etika.
Fl-istess ħin qal ukoll li s-sempliċi komunikazzjoni li saret referenza għaliha ma tikkostitwix ksur ta’ etika.
In-nuqqas ta’ konformità mal-liġijiet tat-taxxa ta’ Bernard Grech kienet suġġett li ddomina l-aħbarijiet fil-bidu li ħa t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Dan għax inkixef kif għal snin twal kien evażur tat-taxxa u ħallas biss għax ried isir Kap tal-Oppożizzjoni.
Anke dwar kif minn lejl għan-nhar sab biex iħallas it-taxxa ta’ verżjonijiet differenti u għalhekk qatt ma ta spjegazzjoni ċara.