Flimkien ma’ 15-il Kap ta’ Gvern ieħor ta’ stati membri, il-Prim Ministru Malti Dr Robert Abela ffirma ittra lill-Presidenti tal-Istituzzjonijiet Ewropej fl-okkażjoni tal-Pride Day li se tiġi ċċelebrata fit-28 ta’ Ġunju.
Dr Abela stqarr li hu u l-mexxejja firmatarji l-oħra kkomettaw irwieħhom li jkomplu jiddefendu d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+.
Huwa saħaq li l-għan tiegħu hu li jassigura li Malta u l-Unjoni Ewropea jippermettu lill-ġenerazzjonijiet futuri jgħixu f’ambjent ta’ tolleranza u ugwaljanza.
Il-Prim Ministru tenna li bil-ħidma bħala Tim Malta se jkun assigurat li pajjiżna jibqa’ fil-quċċata fejn jidħlu dawn id-drittijiet.