Waqt għaxar sigħat ta’ diskussjonijiet madwar il-mejda tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja Ewropej tkellmu dwar il-kriżi tal-enerġija.
F’kumment mal-midja, il-Prim Ministru Malti Robert Abela saħaq dwar l-importanza ta’ infrastruttura għall-enerġija tal-gass, li tkun lesta għall-idroġenu.
Dr Abela qal kif il-mexxejja Ewropej tkellmu dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet tal-ikel madwar l-Ewropa.
Dan hekk kif dan is-summit kien iddominat mill-kriżi tal-Ukrajna.
Dan kien it-tielet summit f’temp ta’ xahar għall-mexxejja Ewropej mindu faqqgħet din il-gwerra.
“Fuq l-enerġija kien hemm diskussjoni li ħadet fit-tul ħafna, jiġifieri llum kellna 10 sigħat kontinwi ta’ diskussjoni, b’maġġoranza kienu diskussjoni dwar l-enerġija u hemmhekk il-punt primarju li sar kien l-importanza ta’ infrastruttura tal-gass, illi tkun ukoll hydrogen ready. Imma hemmhekk tara kemm forsi l-akbar impatt illi hemm minn din is-sitwazzjoni preżenti huwa propju fejn jidħol is-suq tal-enerġija. Imma mbagħad ma waqafniex biss fuq l-enerġija, tħaddidna wkoll fuq il-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, kif ukoll l-istabbilità tal-prezzijiet tal-ikel. Dawk kienu s-setturi maġġuri li kienu diskussi u tara kif l-impatti kienu maġġuri li ġew diskussi u tara kif l-impatti huma ħafna minnhom l-istess fost is-27 stat membru.”
Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-pożizzjoni ta’ pajjiżna, dik ta’ paċi u stabbilità fl-Ewropa.
F’dan is-Summit ħa sehem ukoll il-President Amerikan Joe Biden, fejn il-Prim Ministru Malti tenna dwar l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.
Dan meta fil-ġurnata tal-Ġimgħa l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti qablu dwar ftehim dwar il-provvista tal-gass, LNG.
Matul dan is-Summit il-mexxejja Ewropej irrikonfermaw lil Charles Michel bħala President tal-Kunsill Ewropew għas-sentejn u nofs li ġejjin.
Dwar dan Dr Abela qal kif ma’ Michel kien hemm ħidma tajba speċjalment meta pajjiżna nnegozja l-Budget Ewropew sal-2027.