Fil-konklużjonijiet tas-summit tal-Kunsill Ewropew, li sar tul il-jum tal-Ħamis, Malta kisbet mill-ġdid il-garanziji kollha dwar in-newtralità tagħha, skont il-Kostituzzjoni.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, f’kummenti mal-midja fi tmiem il-laqgħa għolja fi Brussell.
“Dwar dan il-punt erġajna, għal darb’oħra fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, irnexxielna niksbu l-garanziji kollha bil-miktub, iswed fuq l-abjad, dwar is-salvagwardja tan-newtralità ta’ pajjiżna, li toħroġ mill-Kostituzzjoni. Dwar dak konna ċari minn qabel il-Kunsill u fil-fatt d-draft conclusions mill-ewwel idaħħlu dik is-salvagwardja u sodisfatt li tinsab fil-konklużjonijiet finali tal-Kunsill. Dak, għalina, hu punt li mhuwiex negozjabbli. Anke fit-telefonata li kelli mal-President Antonio Costa, ftit tal-ġranet ilu, qabel dan il-Kunsill, aċċennajt għal dan il-punt, li hu aċċettat ferm bejnietna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Meta wieħed iħares lejn il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, wieħed jara kif punt 23 jirrispetta l-pożizzjoni ta’ Malta u n-newtralità tagħha.

Kif intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, fl-aħħar ġimgħat, Malta m’għandhiex x’taqsam mal-pjan ‘ReArm Europe’, li se jwassal biex il-kontinent Ewropew jinvesti fl-armamenti fl-erba’ snin li ġejjin b’investiment ta’ tmin mitt biljun ewro, li dwaru issa ġiet ippubblikata l-White Paper mill-Kummissjoni Ewropea.
Fil-kumment tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li t-tema tal-paċi ma tissemmiex biżżejjed fil-konklużjonijiet tas-summit. Hu appella għal aktar sforzi għall-paċi fejn jirrigwardjaw il-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.