Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, ikkonkluda li l-Prim Ministru ma kisirx l-etika meta qabbad ditta legali Ingliża biex f’isem il-Gvern twieġeb ittri mibgħuta mill-blogger Manuel Delia.
Il-każ huwa marbut mal-pubblikazzjoni ta’ ktieb ‘Murder on the Malta Express’, dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Qabel il-pubblikazzjoni tal-ktieb, Manuel Delia, bagħat ittri f’ismu u tim ta’ ġurnalisti internazzjonali, b’numru ta’ domandi lill-Prim Ministru, lill-martu, lill-Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona, u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Il-Gvern qabbad id-ditta legali Ingliża ‘Carter-Ruck‘ biex twieġeb dawn l-ittri għan-nom tal-Gvern.
Dan wassal lill-Avukat Andrew Borg Cardona biex jilmenta mal-Kummissarju għall-Istandards fejn allega użu ħażin ta’ fondi pubbliċi għax skontu kien intiż li jwieġeb għal nuqqasijiet ta’ individwi fosthom mart il-Prim Ministru u biex ibeżża’ lill-awturi tal-ktieb bil-possibbiltà li jiffaċċjaw proċeduri legali f’Londra, fejn l-ispejjeż ikunu għoljin ħafna.
Iżda fir-rapport tiegħu, il-Kummissarju għall-Istandards xejjen dawn l-allegazzjoni u kkonkluda li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jqabbad ditta legali barranija f’isem il-Gvern, kienet taqa’ fid-diskrezzjoni leġittima tiegħu għax il-Gvern kellu interess ġenwin fil-każ.
Dan minħabba l-fatt li l-allegazzjonijiet li saru fl-ittri kellhom impatt negattiv dirett fuq ir-reputazzjoni tal-Gvern u tal-pajjiż.
Il-Kummissarju kkonkluda wkoll li filwaqt li huwa minnu li l-ittra legali mibgħuta minn ‘Carter-Ruck’ f’isem il-Gvern inkludiet dikjarazzjoni ta’ riżerva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati, dan ma jammontax għal użu ħażin ta’ riżorsi pubbliċi f’livell ta’ sempliċi ittra legali.
Żied jingħad li t-tweġiba ma setgħetx titqies li tbeżża’ lill-awturi tal-ktieb u b’hekk toħonqilhom id-dritt ta’ espressjoni ħielsa.