Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-opinjoni li ħarġet ilbieraħ il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ħidma li qegħdin iwettqu l-awtoritajiet Maltin fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus.
F’kummenti lill-ġurnalisti dalgħodu, il-Prim Ministru nnota li kif il-Kummissjoni Ewropea qalet li se tieħu passi u qegħdin jiġu investigati pajjiżi bħad-Danimarka, l-Estonja u l-Latvja.
Fil-fatt ilbieraħ stess, qal li ttieħdet azzjoni fir-rigward tal-Lussemburgu dwar ir-raba’ direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħasil tal-flus.
Dr Muscat innota wkoll l-istqarrijiet li għamlet il-GRTU wara li l-passi li ħadet l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji fil-konfront ta’ Satabank. Qal li l-Gvern kellu diskussjonijiet tal-uffiċjali tal-GRTU u qed jara li tinstab soluzzjoni.
“Wiehed irid jifhem liema naħa tal-kritika rridu noqogħdu fuqha. Jekk ir-regolatur ma jaġixxix ikun hemm kritika li qed ikun laxk, jekk ir-regolatur jaġixxi allura qed jissofoka s-settur finanzjarju”, qal il-Prim Ministru waqt li saħaq li r-regolaturi dejjem mexa b’awtonomija u li l-Gvern se jkompli jiddefendi x-xogħol tar-regolatur.