L-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema se jwassal għat-tisħiħ tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna. Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel jiġi ppreżentat il-baġit għas-sena d-dieħla, mal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA.
Il-Prim Ministru saħaq kif tul dawn l-aħħar snin kellna politika tax-xogħol li tinċentiva lil kulħadd biex jaħdem u issa se tissaħħaħ l-enfażi fuq li l-inċentivi għat-taħriġ.
“Diġà bdejna nagħtu sinjali ċari. Ir-riforma fl-istipendji, iċ-ċentru tekniku tas-snajja’ fl-MCAST u l-introduzzjoni tal-iSkills Passport fil-qasam tal-ospitalità lkoll se jgħinu biex aktar ħaddiema jkollhom il-ħiliet”, qal il-Prim Ministru hu u jirrimarka li l-Gvern se jappoġġja wkoll lil min iħaddem f’inizjattivi parti mill-prijoritajiet il-ġodda tal-pajjiż, jiġifieri il-qalbiet diġitali u ambjentali.
Miżuri oħrajn li ħa l-Gvern u li se jkomplu jsaħħu s-suq tax-xogħol huma dwar ir-riforma għas-sewwieqa tal-Y Plates u r-regolarizzazzjoni tat-temping agencies. “Dawn huma regoli fl-interess ta’ pajjiżna u robusti kontra applikazzjonijiet ta’ ħaddiema barranin f’setturi li mhemmx ħtieġa għalihom,” saħaq il-Prim Ministru.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministri Clyde Caruana u Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputata Naomi Cachia.