F’ċerimonja li ċċelebrat it-twaqqif sitta u tletin Kunsill Lokali tat-Tfal u tliet Kunsilli Reġjonali, il-Prim Ministru stqarr li t-tfal u ż-żgħażagħ huma parti importanti mill-bidliet li jrid jagħmel pajjiżna biex jitla’ għal-livell li jmiss, il-kwalità.
Din iċ-ċerimonja saret f’għeluq is-sena minn meta l-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà nediet il-proġett RIGHTS bil-għan li tħeġġeġ liż-żgħażagħ jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet fil-komunità.
Fid-diskors li għamel, Dr Abela enfasizza l-punt li t-tfal u ż-żgħażagħ mhumiex biss parti mid-deċiżjonijiet tal-futur, iżda tal-lum ukoll, hekk kif irrefera għall-Youth Advisory Forum bħala inizjattiva oħra li turi kif il-Gvern jemmen fil-vuċi taż-żgħażagħ.
Huwa rringrazzja b’mod partikolari lill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, li hi ċ-Chairperson ta’ din l-organizzazzjoni.
Waqt id-diskors tagħha, il-President Emeritu saħqet fuq l-importanza li l-vuċi tat-tfal tkun mismugħa, b’mod partikolari fuq livell lokali.
Dan filwaqt li tenniet kif l-involviment tat-tfal jesponihom għad-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell lokali. Hija faħħret l-involviment tat-tfal li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva għall-ideat u l-proposti li dawn ressqu f’dawn il-Kunsilli Lokali.
F’kumment mal-midja, l-President Emeritu nnotat kif is-sostenn tal-Prim Ministru juri ried politika.
Hi rringrazzjat ukoll lit-tim li qed jimplimenta dan il-proġett, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali, li laqgħu din l-inizjattiva u qegħdin jinkludu lit-tfal fix-xogħol ta’ kuljum li jagħmlu.
Il-proġett RIGHTS li xpruna din il-ħidma kiseb €200,000 fost għaxar proġetti minn aktar minn mija u ħamsin li kisbu finanzjament dirett mill-Unjoni Ewropa bil-għan li jkun żgurat leħen it-tfal fil-politika lokali.
Ma’ dan l-istazzjon, tkellmu tlett itfal li qasmu magħna temi li ddiskutew fil-laqgħat li jkollhom.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.