Il-Prim Ministru Robert Abela kellu kull dritt jikkummenta b’mod ġenerali dwar il-ġustizzja wara li s-sena l-oħra każ li xxokkja l-pajjiż wassal għall-mewt tat-tfajla Torka Pelin Kaya.
Dan iddikjarah il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, għal ilment li ressqet l-Għaqda Studenti tal-Liġi.
Fil-fatt il-Kummissarju għall-Istandards ċaħad l-ilment tal-GĦSL, li dehrilha li l-Prim Ministru għadda kummenti li setgħu ippreġudikaw il-każ.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissarju għall-Istandards qal li s-separazzjoni tal-poteri ma tfissirx li politiku ma jistax jikkummenta b’mod ġenerali fuq il-ġustizzja u fuq kollox jirrifletti l-opinjoni pubblika fuq każijiet xokkanti.
Il-Prim Ministru kien wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara l-każ ta’ Pelin Kaya u b’kumment ġenerali tkellem favur iż-żamma tal-bon ordni fit-toroq u li l-awtoritajiet għandhom il-fakultà li jużaw pieni li jmorru lejn il-massimu quddiem każijiet xokkanti.
Jeremie Camilleri kien ammetta li tajjar bil-karozza lit-Torka li kienet miexja għall-affari tagħha fuq il-bankina fil-Gżira f’Jannar tas-sena l-oħra.
Jirriżulta li dakinhar kien għeluq snin it-Torka u l-ħati anki spiċċa jgara l-ġebel lejn il-ġisem tat-Torka, li kienet mitluqa mal-art sakemm imbagħad anki ħebb għal nies oħra fit-toroq u irreżista l-arrest mill-pulizija.
Propju fil-jum tat-Tlieta Camilleri ġie ikkundannat erbgħin sena ħabs.
Intant fl-ilment tal-GĦSL, il-Kummissarju għall-Istandards innota li l-każ tal-kummenti tal-Prim Ministru Abela ma għandu x’jaqsam xejn ma’ dak tal-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, li kien instab ħati mill-Qorti li kiser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem meta kkummenta u ippreġudika fuq il-każ taż-żewġ Imħallfin, fosthom l-eks Prim Imħallef Noel Arrigo dwar tixħim minn baruni tad-droga, Mario Camilleri magħruf bħala l-Imnieħru biex titnaqqaslu s-sentenza.
Il-Kummissarju għall-Istandards qal li hemm differenza kbira bejn il-kummenti tal-Prim Ministru Abela u dak li kien qal Fenech Adami.