Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħol artistiku li tellgħu d-dilettanti tal-Karnival b’għadd ta’ installazzjonijiet u karrijiet li tpoġġew madwar it-toroq tal-Belt.
Il-Prim Ministru nnota kif id-dilettanti u l-artisti tal-Karnival xorta waħda esprimew it-talent artistiku tagħhom sabiex il-familji Maltin u Għawdxin setgħu jgawdu kif jistgħu l-ilwien spettakolari li joffri l-Karnival Malti.
Apparti l-installazzjonijiet madwar il-Belt, il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru għall-Arti José Herrera żaru wkoll wirja ta’ kostumi mill-isbaħ fi Spazju Kreattiv.
Dr Abela stqarr li l-Gvern huwa mpenjat li jibqa’ joffri l-għajnuna meħtieġa sabiex minn sena għal sena l-Karnival Malti jibqa’ jissaħħaħ u jkun ta’ attrazzjoni kemm għall-Maltin u anki għat-turisti.
Il-Ministru José Herrera qal li jinsab kuntent ħafna li għal sena oħra, minkejja l-pandemija u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha, xorta qed jirnexxielna nnisslu tbissima fuq wiċċ dawk kollha li jgħaddu minn fejn xi struttura Karnivaleska li tpoġġiet madwar pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil qal li minkejja r-restrizzjonijiet huma fis-seħħ, jinsab sodisfatt bil-mod ta’ kif in-nies żaru l-Belt u gawdew mill-wirjiet li kienu esebiti.
Is-Sur Busuttil irringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna finanzjarja u l-investiment sostanzjali li dejjem ingħata lill-Festivals Malta sabiex torganizza festi tal-aqwa kwalità.