Il-kumpanija Trelleborg Sealing Solutions se tinvesti mal-€14-il miljun fis-sentejn li ġejjin biex l-operat tagħha jkun wieħed aktar nadif.
Dan ġie nnotat waqt żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela lil din il-kumpanija fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far.
Hawnhekk ġie spjegat li dan l-investiment addizzjonali se jsir f’makkinarju sostenibbli fl-industriji tal-bio-teknoloġija, il-farmaċewtika u s-semiconductors, fost oħrajn. Din il-kumpanija qed tara wkoll espansjoni, wara li rċeviet għajnuna mill-Malta Enterprise u l-INDIS Malta.
Dr Abela żar iż-żona fejn qed jinbena l-ispazju addizzjonali u nnota kif f’dan il-post qed ikomplu jinħolqu karrieri ta’ kwalità skont il-prijoritajiet il-ġodda li għandu l-pajjiż.
F’din iż-żjara l-Prim Ministru sostna li l-qasam tal-manifattura kompla jissaħħaħ u jiddiversifika f’oqsma ġodda li qed iwasslu għal karrieri aħjar għal uliedna f’oqsma innovattivi bħar-robotika u l-inġinerija speċjalizzati.
B’dan juri li l-ekonomija Malta qed tiddiversifika anki permezz ta’ għajnuna li l-Gvern joffri lil dan il-qasam li jimpjega eluf ta’ ħaddiema. Intqal kif il-manifattura hi storja ta’ suċċess għal pajjiżna għax qed tagħraf tinvesti fl-innovazzjoni u l-qalba ambjentali xprunata mill-bżulija tal-ħaddiema f’pajjiżna, li llum jinsabu fit-tmun ta’ dan l-investiment dirett barrani.
Il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll diskussjoni mal-ħaddiema, fejn ġie nnotat l-avvanz fil-karrieri ta’ bosta ħaddiema.
Fost dawn hemm Ryan Carabott, żagħżugħ ta’ sebgħa u għoxrin sena, li llum imexxi tim ta’ nies f’din il-kumpanija.
“L-iskola għenitni ħafna u meta jien kont qed nitgħallem ċertu teorija, ix-xogħol offruli nitgħallem il-prattika wkoll. Jiġifieri dik kienet ta’ għajnuna ħafna biex ngħaqqad il-job ta’ teorija mal-prattika. Dik kienet l-ikbar għajnuna li kelli bħala apprentistat.”
L-inġinier Neal Borg ukoll beda mal-istess kumpanija jaħdem fl-inġinerija u llum imexxi l-fabbrika bħala General Manager.
“Malta hija bażi tajba ħafna. Fil-fatt, Trelleborg Malta hija waħda mill-ikbar fabbriki fil-gruppi kollha, dejjem nikbru u issa għandna kif ħabbarna l-aħħar investiment, sentejn ilu u issa minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-fabbrika tiela’ u bdejna nżiedu l-impjegati minħabba din il-fabbrika. Malta għandha klima tajba għall-industrija, għandna populazzjoni titkellem bl-Ingliż, edukata, gradwati u non-skilled workers tajjeb ħafna u minħabba f’hekk, il-grupp jafdaw biex inkomplu nkabbru l-manifattura f’Malta u qed inħarsu dejjem ’il quddiem biex ikollna aktar investimenti.”
Bħalissa, il-kumpanija tħaddem kważi sitt mitt ruħ f’Ħal Far u fil-Marsa u hija stabbilita bħala ċentru t’eċċellenza fil-manifattura u fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.