Il-Prim Ministru Robert Abela qatta parti sostanzjali mil-ħin tiegħu, il-Ħamis filgħodu jżur il-festival nazzjonali tal-ktieb.
Il-festival qed jittella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u qed tittella’ għall-ewwel darba fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Fi żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ ħafna mill-persuni li kienu qed iżuru l-fiera fosthom anke tfal tal-iskejjel.
Dr Abela awguralhom aktar suċċessi fl-istudji u l-esperjenza edukattiva tagħhom.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll mar-rappreżentanti tal-pubblikaturi kollha li qed jipparteċipaw f’din il-fiera li fi ħdanha tinkludi eluf ta’ kotba.
Dwar din il-fiera, ONE News tkellem maċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb is-Sur Mark Camilleri hekk kif spjega li din is-sena attendew numru rekord ta’ esebituri u pubblikaturi fi ħdan din il-fiera.
Fil-fatt għal din il-fiera attendew mal-40 esebitur jew pubblikatur.
Qal, “Li tikkaratterizza din il-fiera tal-ktieb hija l-fatt li qed issir ġewwa post ġdid, fil-fatt, hawnhekk fl-MFCC f’Ta’ Qali għandna spazju enormi fejn għandna ħanut tal-kotba kbir fuq 5000 metru kwadru u erba’ żoni ta’ teatru fejn ikollna events għaddejjin matul il-ġurnata. Jiġifieri kellna 72 avvenment kulturali bejn ilbieraħ u nhar il-Ħadd li ġej.”
Dan il-festival tal-ktieb fetaħ il-bibien tagħha propju l-Erbgħa u se tkun qed tilqa’ lil dawk kollha li jagħżlu li jixtru xi ktieb sal-Ħadd.
Spjega, “Ħinijiet tal-ftuħ huma il-Ħamis u l-Ġimgħa bejn id-9am u 1pm u l-5:30pm u 9:30pm umbagħad mis-Sibt tiftaħ fid-9am u tibqa’ sejra sal-10pm u l-Ħadd tiftaħ fit-8:30am u tagħlaq fit-8pm ta’ filgħaxija non stop jiġifieri dak li jkun jista’ jiġi bil-familja tiegħu hawnhekk, kemm noħdulu t-temperatura u jżur il-ħwienet tal-kotba.”