“Kull fejn dort illum madwar Malta u Għawdex sibt Maltin u Għawdxin determinati li jerġgħu jaqbdu t-triq ta’ normalità.”
Hekk qal il-Prim Ministru fil-bidu ta’ indirizz qasir meta żar iż-żona residenzjali tal-Camarata fil-Belt, f’Jum il-Ħaddiem.
Bil-familji fis-sigurtà ta’ djarhom lebsin il-maskri fil-gallariji mżejna bil-bnadar Maltin, il-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela u martu Dr Lydia Abela sellmu lin-nies u ngħataw laqgħa sabiħa.
“F’pandemija tajna lil kulħadd u ma ħadna lil ħadd”, qal il-Prim Ministru li semma ħemel ta’ miżuri li ħa l-Gvern f’pakketti t’għajnuna u fl-akbar budget fl-istorja.
Semma ż-żidiet fil-pensjonijiet u fiċ-children’s allowance u qal kif il-Gvern flok mexa bil-politika t’awsterità, saħħaħ lill-ħaddiem.
Saħaq li ngħataw il-vouchers u dalwaqt se jingħata rawnd ieħor biex jagħtu stimulu ekonomiku qawwi.
Il-Prim Ministru qal li llum minħabba l-pandemija flok inġbarna lkoll flimkien fil-Belt, ġie hu fost in-nies li segwewh fis-sigurtà ta’ darhom.
F’Jum il-Ħaddiem, lin-nies qalilhom li qed iwasslilhom messaġġ ta’ kuraġġ u ta’ ringrazzjament għas-sagrifiċji li wettqu.
Qal li bis-sagrifiċju kollettiv, ilkoll proteġejna l-ħaddiem.
Hawnhekk semma kif ir-ruħ soċjali tal-Gvern ħabtet fuq in-naħa tal-ħaddiem.
Dr Robert Abela qal li hu u martu Dr Lydia Abela għandhom bosta tifkiriet taċ-ċelebrazzjonijiet tal-1 ta’ Mejju iżda saħaq li għad jasal żmien meta nerġgħu niltaqgħu fil-pjazzez u jkollna tifkiriet oħra.
Il-Prim Ministru saħaq li l-messaġġ tal-lum, f’Jum il-Ħaddiem, huwa li f’Malta hawn Gvern li jinvesti fil-ħaddiem, jgħin liż-żgħir, isaħħaħ lin-negozji u jmexxi lil Malta ‘l quddiem.