Waqt li l-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, żar iċ-Ċentru tas-Saħħa Vincent Moran f’Raħal Ġdid mifrux fuq sitt sulari, ġie spjegat l-ammont ta’ servizzi u spazji li hemm biex dan iċ-ċentru jkompli jsaħħaħ is-servizz tas-saħħa nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Robert Xuereb, ukoll spjega kif minn dan iċ-ċentru ġdid se jkunu jistgħu jsiru anke operazzjonijiet minn kirurgi u speċjalisti fuq pazjenti li, ftit wara, ikunu jistgħu jerġgħu jirritornaw lejn djarhom.
Dan iċ-ċentru, li sar b’investiment ta’ fondi pubbliċi u fondi Ewropej li nkisbu mill-Gvern Malti, se jservi għan-nies tan-Nofsinhar tal-pajjiż u mistenni jaqdi mal-mija u tletin elf persuna, li jiġu bżonn is-servizzi anke permezz t’apparat tekniku li se jkun mgħammar bih.
Iċ-ċentru se jkun qed jgħaqqad bosta servizzi taħt saqaf wieħed u jkompli jnaqqas id-dipendenza fuq l-Isptar Mater Dei.
F’diskussjoni ma’ diversi ħaddiema, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-professjonisti u n-nies qed jilqgħu aktar il-viżjoni tal-Gvern għas-settur tas-saħħa billi tingħata aktar enfasi lejn servizzi fil-komunità.
Dr Abela nnota wkoll kif f’dan iċ-ċentru anke servizzi għal kura tas-saħħa mentali se jkunu qed jingħataw, bil-ħaddiema jispjegaw aspett ieħor pożittiv li se jibda mill-post imsemmi għal Vincent Moran, dak ta’ fiżjoterapija u konsulenzi għal mard tal-qalb, li bħalissa qed jingħata f’Mater Dei, iżda issa se jiġi offrut fil-komunità, f’Raħal Ġdid.
Servizzi oħrajn offruti huma dawk għall-kura tas-snien, b’faċilità dentali.
Il-Prim Ministru saħaq li s-servizzi fil-komunità jibqgħu l-aqwa għodda biex in-nies ikomplu jgħixu aħjar u jkollhom kwalità tal-ħajja.
“L-investiment li qed inwettqu f’kull qasam, inkluż tas-saħħa, hu wieħed li jkompli jappoġġja lin-nies f’kull sitwazzjoni tal-ħajja”, spjega l-Prim Ministru.
Il-proġett sar ukoll b’attenzjoni lejn is-sostenibbiltà u ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, anke dik alternattiva.
Fuq il-post hemm ukoll parkeġġ iddedikat għall-vetturi tal-ħaddiema, il-pazjenti u residenti li jgħixu fl-akwati taċ-ċentru.