B’investiment ta’ sitt miljun ewro fuq medda ta’ ħames snin, il-kumpanija Hutchinson Gozo se tkabbar l-operat tagħha b’sittin fil-mija.
Dan l-investiment se jkun qed iwassal biex il-makkinarju aktar effiċjenti, tnaqqas l-emissjonijiet u toħloq postijiet tax-xogħol.
Din il-kumpanija tal-manifattura li taħdem fl-industrija tal-karozzi u fiż-żmien li ġej se tidħol fl-industrija tal-avjazzjoni, fl-aħħar sitt xhur żiedet ħamsin impjegat. Dan se jwassal biex fiż-żmien li ġej se tkun qed tħaddem tliet mitt ħaddiem.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Insaħħu lill-Ħaddiem’ indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif huwa ta’ sodisfazzjon li l-kumpaniji f’pajjiżi qed ikomplu jinvestu f’pajjiżna.
Dr Abela qal kif waqt din il-pandemija, minn Marzu tas-sena l-oħra, il-Gvern investa bis-sħiħ fin-negozji lokali, hekk kif it-tbassir kien li se jkun hawn 50,000 persuna li jispiċċaw bla xogħol.
Qal li minkejja din il-previżjoni, pajjiżna spiċċa bil-livell tal-qgħad ta’ qabel il-pandemija, frott l-għajnuna li ta l-Gvern, fosthom bil-Covid Wage Supplement.
Il-Prim Ministru qal li r-reżiljenza tan-negozji u l-bżulija tan-negozji u l-ħaddiema, is-settur tax-xogħol ta’ Malta baqa’ wieħed b’saħħtu.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li f’pajjiżna tul din l-aħħar sena saru diversi riformi, li qed itejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fil-fora internazzjonali.
Żied jgħid kif il-viżjoni tal-Gvern hija li pajjiżna jkompli jattira iżjed kumpaniji barranin fis-snin li ġejjin.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli qalet kif dan il-Gvern għandu għal qalbu lin-negozji Maltin u Għawdxin u qalet ukoll kif dan il-Gvern se jkompli jinvesti bis-sħiħ fihom.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Gvern se jkompli jgħin lill-intrapriżi biex jżommu s-sostenibbiltà bħala l-mira ewlenija permezz tad-diġitalizazzjoni. Dan se jwassal biex ikun hemm żieda fl-impjiegi ta’ kwalità u l-effiċjenza.
Il-manager tal-kumpanija f’Għawdex, Jason Borg qal kif waqt dan iż-żmien ta’ pandemija, il-miżura tal-Covid Wage Supplement swiet mitqlu deheb u bis-saħħa ta’ din il-miżura, l-ebda ħaddiem ma tkeċċa minn din il-kumpanija.
Qal ukoll din il-kumpanija użat iż-żmien tal-pandemija biex ħarrġet iżjed il-ħaddiema biex dawn ikunu iżjed effiċjenti f’xogħolhom.