Is-sigurtà tan-nies tibqa’ prijorità u se nibqgħu ninvestu fil-ħaddiema tal-forzi tal-ordni biex tissokta l-ħidma tagħhom ta’ servizz u ħarsien għan-nies.
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela, waqt żjara li għamel mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, fiċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet il-ġdid tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan iċ-ċentru jinkorpora fih il-ħidma kollha mwettqa mis-suldati f’emerġenzi tal-ewwel għajnuna, salvataġġi, operazzjonijiet militari u interċezzjonijiet kontra l-kriminalità.
Fil-fatt, taħt saqaf wieħed, qed jiġu inkorporati erba’ pilastri, imsejħa Joint Military Operations Centre, Rescue Coordination Centre, National Coordination Centre u l-kontroll tat-traffiku tal-bastimenti madwar il-kosta.
Il-Kaptan Keith Grixti spjega kif il-binja, li kienet tintuża qabel dan iċ-ċentru kienet ilha mibnija mis-snin disgħin, u s-sistemi bdew jiqdiemu.
B’differenza, is-sistemi fil-binja l-ġdida jikkumplimentaw lil xulxin u allura, itejbu l-operat.
Qal, “L-ispazju kif inhu maqsum, l-operator li jkun ġol-bini, ħa jkun jista’ jaqsam l-informazzjoni biex minflok tibqa’ għand persuna waħda, tiġi maqsuma mat-tim kollu u din tgħin biex it-tim kollu jkun aware tal-każijiet li jkun qed jieħu ħsieb l-AFM dak il-ħin.”
Għaldaqstant, dan l-investiment ta’ aktar minn ħames miljun ewro, ko-finanzjati minn Fondi Ewropej, qed jissarraf f’servizzi ta’ sigurtà tal-ogħla livell u aktar effiċjenti, anki għall-benefiċċju tal-familji Maltin u Għawdxin.
Qal, “L-AFM wirtet numru ta’ barrackses li ħafna minnhom għandhom ħamsin, sittin, sebgħin sena, u dawn ovvjament illum qed jiqdiemu, però l-investiment huwa tajjeb biex dal-bini kemm inmantnuh, kif ukoll nagħmlu upgrades għall-użu tal-lum, għax ovvjament, l-użu ta’ ħamsin sena ilu mhux l-istess użu li l-AFM ġo pajjiż modern għandha bżonn.”
Intant, waqt iż-żjara tiegħu, fl-isfond tal-investiment infrastrutturali, il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern kompla jinvesti fil-ħaddiema bi ftehimiet kollettivi li kienu l-ewwel tax-xorta tagħhom, kif ukoll tahom id-dritt li jissieħbu f’unjin.
Dr Abela qal li dan il-Gvern ta d-dinjità li jistħoqqilhom, lill-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati u l-familji tagħhom, bil-għan li l-poplu jkollu komunitajiet aktar siguri.
Huwa faħħar il-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta, f’servizz li mhux biss qed jagħtuh f’pajjiżna, imma anki f’pajjiżi oħra.