Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Qormi, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-establishment u l-Partit Nazzjonalista jridu jużaw l-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju biex iħottu dak li għamel Gvern Laburista.
Dr Abela stqarr kif fl-aħħar ħdax-il sena, dawn għamlu numru ta’ manuvri fid-deher u minn taħt, li iżda l-poplu wieġeb għalihom bil-kalma u bil-vot kull meta kien imsejjaħ.
Dr Abela semma l-kawża li se tkompli tinstema’ t-Tnejn, li hi intenzjonata biex timmina r-rieda sovrana tal-poplu.
“Għamlulna kawża biex id-dritt li pajjiżna jitmexxa minnkom, min-nies, jieħduh minn idejn il-Kabinett u jixħtuħ f’idejn min iridu huma. Aktar minn hekk hija kawża maħsuba biex tiffriżana, biex mingħalihom tbeżżagħna, kawża li thedded li tfittex personalment lill-membri tal-Kabinett, lil sħabi u lili u lit-tfal tagħna wkoll. F’dan il-livell ta’ odju personali kapaċi jinżel l-establishment.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Mexxej Laburista kkuntrasta dan l-aġir ma’ dak li qiegħed jippreżenta l-Partit Laburista, f’forma ta’ manifesti elettorali li jikkomunikaw id-direzzjoni għall-ġejjieni.
“Ġejna b’manifest tal-Parlament Ewropew, ġejna saħansitra b’manifest għal kull lokalità. Ara ħaddieħor għamel inkjesta maġisterjali, il-manifest elettorali tiegħu. Imbagħad meta nduna li kulħadd beda jgħidlu li m’għandux manifest, kiteb essay ta’ malajr ta’ ħames mitt kelma, essay out of point terġa’ kitibha għax ħalla barra l-aktar setturi importanti għal pajjiżna.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-fatt, il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista jonqos milli jitratta temi pertinenti bħal m’huma l-kwistjoni tan-newtralità, il-paċi u l-immigrazzjoni u saħansitra ma trattawx it-tassazzjoni li wkoll hija fuq quddiem tal-aġenda Ewropea.
Il-Prim Ministru attribwixxa dawn in-nuqqasijiet fil-manifest tal-Partit Nazzjonalista, għall-politika li dan jimbotta, primarjament dik li jbaxxi rasu għal dak kollu li tgħid l-Unjoni Ewropea u b’hekk ifalli milli jħares l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin.
Quddiem dan kollu, Dr Abela staqsa lill-elettorat fejn irid jieħu lill-pajjiż, fil-kuntest ta’ establishment li jrid jirkeb fuq l-apatija biex jimmina s-saħħa li għandu l-poplu.
“Ħażin jekk naħsbu li t-8 ta’ Ġunju hija ġurnata bħall-oħrajn għax mhix. Bil-forzi kollha, bis-saħħa kollha tiegħu l-establishment irid illi t-8 ta’ Ġunju ikun il-bidu tat-tmiem ta’ dak illi ngħożżu. Irid jaqsam minn nofs lil Tim Malta, irid li l-proġett Malta Flimkien jintemm. U nistaqsi jiena, intom se tħalluhom jirkbu fuq l-apatija u jieħdulkom is-saħħa tagħkom minn idejkom?”
il-Prim Ministru Robert Abela