Waqt intervista l-Erbgħa filgħaxija fuq ix-xandir nazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li bħal ma għamel qabel, il-Gvern mhu se jħalli lil ħadd waħdu.
Sigħat wara li tħabbar rilaxx kawt ta’ ċertu miżuri, fuq il-programm l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa, il-Prim Ministru qal li jifhem lis-sidien ta’ negozji li huma milquta mill-pandemija.
Hawnhekk semma ħemel ta’ miżuri t’għajnuna fosthom il-Covid Wage Supplement u għajnuniet supplimentari lis-sidien tal-bars u negozji oħrajn.
Dr Robert Abela semma kif id-deċiżjonijiet qed jittieħdu abbażi tax-xjenza u semma wkoll il-ftuħ gradwali tal-iskejjel.
Bħala anki missier, il-Prim Ministru qal li jħares ’il quddiem lejn it-tagħlim fil-klassi għaliex filwaqt li t-tagħlim virtwali kien importanti f’sitwazzjonijiet oħra tul il-pandemija, dan mhux sostitut għal kollox għall-edukazzjoni fil-klassi.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-programm b’saħħtu tat-tilqim ta’ pajjiżna li bih Malta issa għandha l-ogħla rata ta’ tilqim fid-dinja, ras għal ras.
F’dan il-kuntest semma l-pjan ta’ ftuħ tal-istaġun turistiku fil-bidu ta’ Ġunju.
Hawnhekk qal li pajjiżna jeħtieġ sajf b’turiżmu biex in-negozji jdawru r-rota u n-nies jaħdmu u jkomplu jaqilgħu l-għajxien tant importanti għalihom.
Il-Prim Ministru semma wkoll li l-Gvern qed iħares lejn anki r-raba’ kwart tas-sena, li jista’ jkun b’saħħtu għat-turiżmu.
“Se nagħmlu ħilitna biex inġibu turisti b’mod sigur u l-aqwa reklam biex niġbdu t-turisti huwa l-programm ta’ tilqim ta’ Malta”, irrimarka l-Prim Ministru meta semma wkoll il-mod kif se jkunu jistgħu jidħlu t-turisti f’ġieħ l-issalvagwardjar ta’ saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.
Hawn semma l-passaport tal-vaċċin jew il-bżonn li turi test negattiv għall-Covid-19 biex tidħol f’pajjiżna.
Fin-nuqqas ta’ dan, ikun jeħtieġ li anki jsirlek test fil-portijiet Maltin qabel tidħol fil-pajiż.
Tul l-intervista l-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar temi oħra fosthom dwar ir-riformi istituzzjonali li saru f’dawn l-aħħar erbatax-il xahar, iż-żjara tal-Prim Ministru fil-Libja, l-immigrazzjoni u anki l-White Paper li ppreżenta l-Gvern dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.