Gvern Laburista ġdid, jekk jingħata l-fiduċja, se jkun qed jerġa’ jagħti prijorità lill-istudenti billi jżid l-istipendju bi 15%.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika bit-tema Malta Flimkien f’Ħaż-Żebbuġ, li saret f’forma ta’ mistoqsijiet minn dawk preżenti.
“Allura l-mistoqsija tiġi waħedha, jekk il-Gvern Laburista jerġa’ jiġi fdat għall-5 snin li ġejjin ħa nerġgħu naraw żieda fl-istipendju?”
Prim Ministru: “Ir-risposta tiegħi hija iva, jekk il-poplu jogħġbu jerġa’ jagħtina l-fiduċja tiegħu se jerġa’ jkollna żieda fl-istipendji ta’ 15%.”
Dr Abela semma l-proposta tal-first time buyers li tingħata għotja ta’ elf ewro fis-sena għal għaxar snin biex b’kollox l-ewwel xerrejja ta’ proprjetà, partikolarment iż-żgħażagħ se jieħdu €10,000.
Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza tal-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna u hawn aċċenna wkoll għall-proposta tal-Gvern ta’ investiment €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin għal aktar proġetti ambjentali ta’ spazji miftuħa u ġonna pubbliċi fil-qalba tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Dr Abela fakkar ukoll fil-politika ta’ għajnuna li adotta Gvern Laburista f’pandemija fejn għen bil-Covid Wage Supplement u salva eluf kbar ta’ impjiegi biex illum Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
B’hekk, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ għajnuna għan-negozji fost oħrajn permezz tal-proposta tat-tnaqqis fir-rata tat-taxxa korporattiva minn 35% għal 25% u għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin se jitwessgħu t-tax bands b’€1,700.
Dr Abela kellu wkoll aħbarijiet sbieħ għas-settur tad-diżabilità f’pajjiżna fejn ħabbar li se jinfetaħ ċentru fil-komunità ġdid.
“Se niftħu Community Hub ġdid fit-Tramuntana ta’ Malta fejn persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jirċievu taħriġ li huwa speċjaliżżat biex jgħixu ħajja aktar indipendenti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Tul din l-attività politika l-Prim Ministru tkellem ukoll fuq is-sitwazzjoni li qed tiddomina fl-Ukrajna.
Fil-fatt, hawn il-Prim Ministru tkellem dwar il-ħidma tiegħu fuq livell Ewropew f’Summit li kellu fi Brussell.
Dr Abela tenna wkoll l-aspetti li qegħdin attenti għalihom bħala Unjoni Ewropea u wkoll bħala pajjiż fosthom il-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija.
Kien hawn li l-Prim Ministru serraħ ras il-poplu Malti.
“Jista’ jkun hemm żieda fil-prezz taċ-ċereali u żieda fil-prezz tal-qamħ għaliex l-Ukrajna hija esportatur ewlieni kemm taċ-ċereali u kemm tal-qamħ umbagħad it-tieni aspett li qegħdin attenti ħafna għalih huwa il-prezz tal-materja prima li jintuża għall-produzzjoni tal-gas u l-kurrent elettriku u l-prodotti anċillari. Din hija realtà li qegħdin attenti ħafna għaliha. Hawnhekk nerġa’ nagħmel il-wegħda tiegħi quddiemkom, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi aħna se nibqgħu nżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela