Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jrid ikompli bix-xogħol tiegħu skont il-liġi fuq ir-rapport li għamel il-Kummissarju għall-Istandards dwar il-Ministru Justyne Caruana.
Il-Kummissarju George Hyzler investiga ilment dwar kuntratt lill-eks footballer Daniel Bogdanovic biex iħejji rapport dwar l-iskola nazzjonali għall-isport.
Skont Hyzler dan sar bi ksur tal-kodiċi tal-etika u l-investigazzjoni tiegħu bdiet minħabba l-ħbiberija bejn l-eks plejer internazzjonali li lagħab barra l-pajjiż u l-Ministru Caruana.
It-Tlieta filgħodu l-Kumitat għall-Istandards iltaqa’ u n-naħa tal-Gvern qablet mill-ewwel li dan ikun ippubblikat.
Mistoqsi dwar ir-rapport fil-ħin ta’ wara l-pubblikazzjoni l-Prim Ministru qal hekk.
Qal, “Il-liġi hija ċara ħafna. Għandek l-ewwel stadju, li huwa dak tar-rapport tal-Kummissarju, dak ir-rapport imbagħad jingħadda għand il-Kumitat biex jara jekk għandux jiġi pubblikat u l-kumitat ġustament ħa d-deċiżjoni li jiġi ppubblikat.”
Il-Prim Ministru qal li issa hemm l-istadju li jmiss.
Spjega, “Il-Kumitat irid jiddeċiedi huwiex se jadotta r-rapport jew le, jew jekk hux se jadotta parti minnu u mhux kollox u jekk il-Kumitat ikun qiegħed jadotta xi parti minnu irid jara x’sanzjoni se jagħti. Ejjew nistennew dak l-istadju. Jekk ma nagħmlux hekk inkunu qed ngħidu li m’għandniex fiduċja fil-liġi.”
Il-Prim Ministru qal li ma jistax ikun li kull darba tittieħed il-pożizzjoni li r-rapport huwa konklussiv meta l-liġi ma tgħidx hekk.
Qal, “Ejja nħallu l-proċess jingħalaq u mbagħad meta jingħalaq dak il-proċess, wieħed ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu. Li nista’ ngħid hu li jien ma qattx nistenna r-rapport imma biex jingħalaq għaliex dak il-kuntratt li jitħaddet dwaru r-rapport, waqqaftu minnufih malli sirt naf bih.”
Mistoqsi hux se jieħu miżuri temporanji, il-Prim Ministru temm jgħid hekk.
Qal, “Mhux kontemplati u jekk se ssaqsini, ħa nantiċipa għad-domanda li jmiss għaliex fil-każ ta’ Rosianne Cutajar imxejna mod u forsi issa qed tgħidli mod ieħor, id-differenza hi ċara li fil-każ ta’ Rosianne Cutajar kien hemm l-involviment ta’ Yorgen Fenech. F’dan il-każ m’hemmx.”
Filmat: MaltaToday