“Mal-medja tad-diskussjoni wassalt pożizzjoni fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti mal-midja, fi tmiem il-laqgħa ta’ konsultazzjoni li kellu fi Vjenna, dwar l-aġenda strateġika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin
Hawnhekk Dr Abela ngħaqad ma’ mexxejja minn grupp ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn, fuq inizjattiva tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
F’kummenti mal-midja fi tmiem din il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-aktar tema diskussa kienet dik tal-migrazzjoni.
“Ma kienx antiċipat li dan is-suġġett ħa jikkonsma l-parti l-kbira tad-diskussjoni, imma hekk ġara u hemmhekk naturalment pajjiżna kellu ħafna x’jirrakkonta dwar l-isfidi li kellna tul is-snin, dwar il-mod kif ħdimna biex nipprovaw nilħqu l-bilanċ daqstant importanti bejn li nsalvaw il-ħajjiet ħalli nipproteġu l-interess nazzjonali. Ma kinitx sfida żgħira, mhijiex sfida żgħira llum il-ġurnata, tibqa’ sfida li aħna jkollna ta’ kuljum.”
Dr Abela sostna li pajjiżna ilu jtella’ dan is-suġġett fl-aġenda Ewropea, iżda llum il-ġurnata bit-tensjonijiet viċin l-Ewropa, din qed taffettwa lill-kontinent kollu.
Il-Prim Ministru qal li d-diskussjoni kienet tinkludi wkoll is-suq komuni u hawn semma l-interess ta’ pajjiżna li tkun protetta l-industrija marittima u din hi kruċjali għal pajjiżna.
“U allura hemmhekk tħaddidt ukoll dwar ir-regoli tal-ETS, kemm forsi dawn huma inġusti biex inżommu l-kompettitività Ewropea. Tagħmel sens li jekk nitilfu l-kompettitivita Ewropea biex igawdu minnha portijiet fl-Afrika ta’ Fuq, dawk huma d-domandi li ressaqt ’il quddiem. Ċipru għamel l-istess domandi kif għamilt jiena wkoll. Jiġifieri kienet diskussjoni li nemmen li hi ferm interessanti.”
Fost suġġetti oħra li tkellem fuqhom il-Prim Ministru kien hemm dawk dwar is-saħħa, l-enerġija u s-sitwazzjoni tal-bdiewa fl-Unjoni Ewropea.
“Dawn huma t-tip ta’ domandi li l-poplu jrid jindirizza fit-tmienja ta’ Ġunju u għalhekk ukoll għażla daqstant importanti. Ċertament li wassalt pożizzjoni ta’ Prim Ministru li l-interessi ewleni huwa dak tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-laqgħat dwar din l-aġenda strateġika se jkomplu fis-Summit informali tal-Kunsill Ewropew, li se jsir il-ġimgħa d-dieħla fi Brussell u tkun konkluża fis-Summit tal-Kunsill Ewropew ta’ wara f’Ġunju li ġej.
“Hemmhekk tara l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-poplu b’mod inġenerali, jiġifieri dawk id-deċżjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju, fejn il-popli diversi bil-vot tagħhom f’dik id-data tant importanti se jkunu litteralment ifasslu l-ħames snin li ġejjin, ta’ x’se tkun qed tfisser l-Unjoni Ewropea. Trid tkun Unjoni Ewropea tan-nies, li tolqot il-prijoritajiet ewlenin tan-nies.”