Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela fetaħ id-diskors tiegħu, f’San Pawl il-Baħar, billi wera s-solidarjetà tiegħu mal-uffiċjali kollha li jagħmlu parti mill-forzi tal-ordni f’pajjiżna.
Dan b’rabta mal-aggressjoni fuq Pulizija fil-Ħamrun, fejn ġew arrestati ħames Maltin – erbat irġiel u mara.
Dr Abela stqarr li jistenna li ssir ġustizzja skont il-liġi dwar dan il-każ.
“Intenni s-solidarjetà sħiħa tiegħi mal-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija u nistenna wkoll għaliex għandi fiduċja sħiħa fil-Qrati tagħna, li se tkun qegħda titwettaq ġustizzja sħiħa, skont il-ħaqq u skont is-sewwa sabiex jibqa’ jintbagħat messaġġ ċar favur is-sigurtà ġewwa s-soċjetajiet tagħna.”
Huwa kkundanna wkoll l-attakk fuq il-Kummissarju tal-Pulizija minn uħud fis-soċjetà, liema attakki saħaq li jinfluwenzaw atti vjolenti bħal dawn, fuq uffiċjali tal-forzi tal-ordni.
“Nibgħat messaġġ lil min minn karigi importanti f’dan il-pajjiż għal xhur sħaħ bagħat messaġġ ta’ diżrispett lejn il-Kummissarju tal-Pulizija, lejn il-Korp tal-Pulizija b’mod ġenerali ta’ kemm huwa ħażin li inti tiżra dik iż-żerriegħa ta’ diżrispett lejn il-membri tal-korpi dixxiplinati għaliex imbagħad ma tistax tistenna li dik iż-żerriegħa ma tinżilx l-isfel fis-soċjetà tagħna. Għalhekk nerġa’ ntenni dan il-messaġġ ta’ fiduċja sħiħa favur il-membri tal-korpi dixxiplinati kollha ta’ pajjiżna li qegħdin iwettqu xogħol mill-iktar importanti.”
Tal-istess sentiment kien il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, meta rreaġixxa għal din l-aggressjoni, waqt il-programm PaperScan fuq ONE.
Il-Ministru Camilleri kkundanna b’mod qawwi dak li seħħ – kemm bħala Ministru, f’isem il-Gvern u anke bħala persuna li jgħix fis-soċjetà.
“M’hemmx mod ieħor ħlief, li nikkundanna, mhux bil-kliem bħala Ministru biss, mhux biss aħna bħala Gvern, iżda bħala soċjetà sħiħa, li għandna rispett lejn ir-rwol tal-Pulizija, l-uffiċjal tal-Pulizija, biex nifhmu wkoll kemm huwa importanti fis-soċjetà tagħna.”
Huwa spjega kif fuq il-post, immedjatament waslet aktar assistenza, fejn l-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit, mhux biss ikkalmaw is-sitwazzjoni, iżda wkoll arrestaw numru ta’ persuni.
Il-Ministru qal li mhuwiex ġust li l-uffiċjali tal-Pulizija, jiġu aggrediti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Huwa żied jappella għal aktar rispett favur il-Pulizija, waqt li esprima l-fiduċija tiegħu fil-Korp tal-Pulizija – hekk kif fisser l-impenn tal-Gvern, li jidher biċ-ċar anke mill-investiment bla preċedent li sar.