“Dan hu Gvern li jemmen f’Għawdex.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt business breakfast organizzat mill-Partit Laburista, li ddiskuta l-prijoritajiet għal Għawdex fil-programmi tiegħu għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju. Attività li, fi kliem il-Prim Ministru, hi kruċjali biex Għawdex u Malta jibqgħu mexjin ’il quddiem.
Quddiem għadd ta’ msieħba soċjali Għawdxin, il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista jemmen fl-istrateġija ta’ ‘Għawdex Gżira ta’ Villaġġi’, li tfasslet minn fost l-Għawdxin u li, għalhekk, hi l-viżjoni tal-Gvern u tal-Għawdxin għall-għaxar snin li ġejjin.
“Ikolli nammetti li kull darba li nżur Għawdex u dejjem ta’ pjaċir tiegħi li nżur din il-gżira li hi tant għal qalbi, dik hija xi ħaġa li tant tispikka. Kemm l-Għawdxin huma kburin bi gżirithom, kemm l-Għawdxin iħobbu lil gżirithom, kemm iridu li din il-gżira tibqa’ miexja bis-saħħa ‘il quddiem però mhux akkost ta’ kollox, bi pjan kalibrat u bi pjan lijagħmel sens. Għalhekk l-iżvilupp li qed nitkellmu dwar li għandu jkun wieħed sotenibbli.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru ma naqasx li jsemmi l-ħemel ta’ proġetti li wettaq dan il-Gvern dejjem favur Għawdex u l-Għawdxin, fosthom fil-qasam turistiku, sportiv, tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-komunità u dak tal-konnettività.
Huwa għamel referenza wkoll għall-mod kif, qabel l-2013, Għawdex kien totalment staġnat, bi Gvern Laburista li, bil-fatti, reġa’ ta kas din il-gżira u hawnhekk bdew jiġu rreġistrati andamenti pożittivi f’kull settur.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi tenna kif Għawdex se jkun il-mudell li permezz tiegħu se tkompli tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Nagħmlu dan kollu għax Gvern li jemmen f’Għawdex. Nemmen li dak li se jseħħ f’din il-gżira fis-snin li ġejjin se jservi biex nibqgħu nevolvu l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna, nevolvuh kif ukoll intejbuh biex dejjem imbagħad dak il-mudell ekonomiku ikun jista’ jirrispondi u jwieġeb għall-prijoritajiet u x-xewqat li dejjem naturalment jinbidlu tal-poplu tagħha. Għalhekk, fid-dawl tal-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju kien importanti li nitkellmu u niddiskutu flimkien fuq dan il-pjan. Grazzi lil kull wieħed u waħda minnkom tal-kontribut siewi li tajtu għal dan id-diskors.”
il-Prim Ministru Robert Abela