Flimkien nistgħu niddiskutu u nagħmlu l-aqwa deċiżjonijiet għas-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan kien il-messsaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, waqt intervent li għamel taħt it-tinda fl-Imqabba, bħala parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Dwar is-settur tas-saħħa, Dr Abela sostna kif pajjiżna rnexxielu jibni sistema robusta u ġġieled pandemija globali, b’dan huwa l-iprem eżempju ta’ kemm is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna hi b’saħħitha.
Intqal kif il-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet kuraġġjużi, anke bl-għeluq tal-Isptar Monte Karmeli u l-kura akuta tingħata f’post ħdejn l-Isptar Mater Dei. Dan flimkien ma’ kif il-kura fis-saħħa mentali qed tingħata fil-komunità.
Hawnhekk semma wkoll kif Gvern Laburista rnexxielu jwassal għal ftehim kollettiv tal-infermieri u l-qwiebel – l-aktar pakkett b’saħħtu għall-ħaddiema f’dan is-settur.
“L-investiment li għamilna fir-riżors uman fil-qasam tas-saħħa, il-ftehim kolletiv fil-qasam tal-infermieri wieħed b’saħħtu, tal-qwiebel ukoll fejn hemmhekk tajna inċentivi b’saħħithom f’settur li huwa tant importanti. Dan imbagħad iġibek għal domanda oħra, domanda għal dawk li qed jgħidu li mmur jew ma mmurx nivvota fit-8 ta’ Ġunju, x’differenza se nagħmel? Il-politika x’differenza se tagħmel? Il-politika hija dik li jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha li tħadditna dwarhom illejla.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk Dr Abela semma wkoll kif riċentament twaqqfet fondazzjoni biex tmexxi ċ-Ċentru tar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar il-kanċer f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru temm l-intervent tiegħu fl-Imqabba b’dan il-messaġġ…
“Fit-8 ta’ Ġunju nibgħatu messaġġ ċar u b’saħħtu ta’ x’politika tridu għal pajjiżna. Ta x’direzzjoni tridu għal pajjiżna. Jekk tridux li dawn l-investimenti multi-miljunarji li semmew aktar qabel fil-qasam tas-saħħa mentali, fil-kura tal-onkoloġija, inwassluhomx. Jien nemmen li għadna l-aqwa nies biex jistgħu jimplimentawhom. Issa għandna bżonn lilkom biex tagħtuna s-saħħa tagħkom biex dik is-saħħa tagħkom nagħtuha lura b’aktar ħidma. Is-saħħa lill-Imqabbin, is-saħħa lill-Għawdxin u s-saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela