“Id-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern m’għandhomx iservu biss biex iħarsu għal dak li għandna llum iżda għandhom ikunu l-bażi ħalli lejn pajjiżna niġbdu investimenti ġodda li joffru aktar impjiegi ta’ kwalità u li jħallsu aħjar.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni t’uffiċini ġodda tal-UHM Voice of the Workers.
Fl-indirizz li għamel, li ffoka b’mod partikolari fuq il-ħaddiema, il-Prim Ministru rrimarka kif pajjiżna qed jersaq lejn Budget ieħor mingħajr taxxi ġodda. Budget li se jkompli jsostni lin-nies b’politika mhux t’awsterità iżda li temmen fil-ħaddiem.
Dr Robert Abela aċċenna fuq l-istabbiltà u s-sostennibiltà u hawn semma kif il-ħaddiema u l-familji tagħhom jixirqilhom iżjed spazji ġodda biex anki jservu ta’ żvog wara ħidmiethom.
Il-Prim Ministru rrimarka għal diversi miżuri li daħħal il-Gvern u li bihom ġie inċentivat ix-xogħol u ssaħħet b’mod qawwi l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, tant li llum, Malta hi ogħla mill-medja Ewropea f’dan ir-rigward, anki frott miżuri t’appoġġ għall-familji.
Huwa nnota wkoll kif il-UHM tat sehemha wkoll bl-ideat tagħha fil-miżuri maħsuba to make work pay.
Dr Abela saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li nkomplu nsostnu t-tisħiħ tad-drittijiet, it-taħriġ u l-opportunitajiet ġodda biex wieħed ikun jista’ jimxi ’l quddiem u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu.
“Huwa dan kollu li ridna nissalvagwardjaw bid-deċiżjonijiet li ħadna fl-aħħar xhur u li bnew fuq deċiżjonijiet kbar oħra li ħadna sa minn Marzu 2020, quddiem sfidi bla preċedent”, qal il-Prim Ministru hu u jisħaq fuq djalogu soċjali b’saħħtu.
Hawn semma l-ideat li lkoll irridu nitfgħu fuq il-mejda biex nikbru iktar u li mbagħad irid ikollna l-kuraġġ li niddeċiedu dwarhom biex inkomplu nirnexxu bħala pajjiż.
Fl-inawgurazzjoni indirizzaw lill-pubblika wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella u l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna.
Vella rrimarka l-istorja twila ta’ din l-Unjin u kif tul is-snin serviet ta’ tarka għall-ħaddiema minkejja l-isfidi li sabet ma’ wiċċha.
Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna sostna l-importanza li dawn l-uffiċini l-ġodda jkomplu jservu ta’ ġid għall-ħaddiema kollha sabiex jgħixu u jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.