Fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-2023 trid tkun sena fejn ikomplu l-bidliet soċjali b’saħħithom.
Bidliet li jibnu fuq dak li diġà sar fl-aħħar snin.
Hawn il-Prim Ministru tenna kif jemmen li wasal il-mument li s-soċjetà tagħna tibgħat messaġġ iktar b’saħħtu favur il-ħarsien tal-mara.
Fil-fatt, hawn il-Dr Abela tenna li huwa kruċjali li nagħmlu l-akbar qabża ’l quddiem fid-drittijiet tan-nisa. Dan fl-isfond li pajjiżna llum-il ġurnata għandu l-akbar rappreżentanza femminili fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u għandu aktar nisa li jinsabu fid-dinja tax-xogħol.
“Filwaqt li ssib min jgħidlek li se jibqa’ jkollok każi fejn is-sistema tidher li falliet, ikun ta’ għajb għalina jekk ma naħdmux biex kull tifla f’dan il-pajjiż ikollha s-serħan il-moħħ ta’ soċjetà li verament trid tħarisha. Li d-drittijiet ma jkunux biss fuq il-karta imma li jkun hemm ir-rieda u r-riżorsi biex jitħarsu. Meta nitkellmu fuq l-ugwaljanza, meta ninsistu kontra l-vjolenza domestika, meta nisħqu fuq il-bżonn li kull mara nħarsulha ħajjitha u saħħitha, qed nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ bintek, ta’ ommok jew oħtok.“
Il-Prim Ministru tenna li dawn mhux teoriji imma esperjenzi diretti tal-għeżeż tagħna.
“Sfortunatament erġajna għaddejna minn ċerti esperjenzi koroh li kiddewni fuq livell personali, kemm bħala missier, kif ukoll bħala politiku. Ebda riforma mhi se tiġi bi qbil assolut. Qatt ma ċaqlaqna l-affarijiet u ma qamitx diskussjoni. Ngħid li allaħares mhux hekk. Għaliex hija minn dik l-istess diskussjoni li noħorġu bl-aqwa għażliet. Bħala pajjiż wieħed u magħqud, mingħajr kliem kattiv jew li jifred.”
Madankollu kien hawn li l-Prim Ministru Robert Abela sostna li qatt m’għandna naċċettaw l-istatus quo jew li nibżgħu mill-bidla.
“Għażla waħda biss m’għandux ikun hemm; dik li naċċettaw l-istatus quo, jew ninħbew mir-realitajiet daqslikieku ma jeżistux. Għaliex, meta nagħżlu li nibżgħu mill-bidla, anke bl-iskuża li l-maġġoranza komda kif inhi, inkunu qed ninjoraw lil dawk li ilhom ibatu u li bil-mod il-mod qed jitilfu t-tama. U dik mhux xi ħaġa li rridu naċċettaw.”
Intant il-Prim Ministru sostna l-istess impenn fuq is-settur ambjentali ta’ pajjiżna hekk kif tenna li din is-sena l-Gvern ta’ sinjali ċari ta’ prijoritajiet ġodda.
Dan fost oħrajn bid-deċiżjoni fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid biex medda ta’ art Odz fiż-Żonqor tiġi protteta. Dan filwaqt li l-Ħondoq ġie salvat u ġew liberati spazji oħra biex fuqhom isiru proġetti li jitgawdew mill-familji.
“Ifisser li għamilna biżżejjed? Dażgur li le. Għalhekk fix-xhur li ġejjin din il-ħidma trid tieħu forma iktar mgħaġġla biex ikollna l-bażi b’saħħitha għal aktar proġetti ambizzjużi. Konvint li naslu għax għandi fiduċja f’pajjiżna.”