Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi waqt li qed jattendi s-Summit, Vibrant Gujarat 2019 f’Ahmedabad, Gurjarat, l-Indja.
Waqt din il-laqgħa ġew diskussi diversi punti ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi fosthom il-qasam tal-farmaċewtika fejn f’pajjiżna hemm diġa’ presenza ta’ kumpaniji Indjani li jaħdmu fil-qasam. Ġew diskussi l-vantaġġi li toffri Malta f’dan il-qasam.
Ġiet diskussa wkoll ir-reputazzjoni tajba tal-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini li twettaq spezzjonijiet fl-Indja, speċjalment f’Gujarat fejn hemm ħafna kumpaniji tal-farmaċewtika, sabiex tkun tista’ tingħata l-marka ta’ kwalità li tfisser li l-prodotti jkunu jistgħu jiġu esportati.
Iż-żewġ Prim Ministri tkellmu wkoll dwar il-qasam tal-Avjazzjoni u l-possibilità ta’ koperazzjoni mal-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, li għandha pjanijiet li tkompli tikber u tespandi. Fost l-ideat ewlenin hemm li Malta tista’ tkun post minn fejn ċittadini Indjani jkunu jistgħu jilħqu pajjiżi ohħra Ewropej u tal-Afrika ta’ Fuq minn bliet fi stati differenti fl-Indja fejn hemm nuqqas ta’ konnettività.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Narendra Modi tkellmu wkoll dwar is-settur tal-innovzzjoni u l-qasam tal-teknoloġija tal-informattika u l-possibiltà ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-blockchain.
Jakkumpanjaw lil Prim Ministru Joseph Muscat waqt din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona, id-Deputat Parlamentari Robert Abela, il-Kummissarju Għoli Malti fl-Indja Stephen Borg u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.