Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jattendi Laqgħa tal-Livell Għoli bejn mexxejja tal-Unjoni Ewropea u mexxejja ta’ pajjiżi Afrikani, fi Vjenna. Il-laqgħa ssejħet mill-Kanċillier Awstrijak, Sebestian Kurz, li fl-istess ħin qed imexxi l-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kanċillier Kurz qal li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tiffoka biss fuq l-immigrazzjoni bħala sifda fil-pajjiżi Afrikani, iżda għandu jiġi pprovdut spazju biex tkun żgurata l-prosperità u l-kompetittività fiż-żewġ kontinenti.
L-iskop tal-laqgħa fi Vjenna huwa li l-mexxejja miż-żewġ kontinenti jippromwovu l-innovazzjoni u d-diġitilizzazzjoni bħala fatturi kruċjali għall-iżvilupp tal-futur tal-kontinent Afrikan. Fl-istess ħin, il-laqgħa se tara li tkun implimentata dikjarazzjoni konġunta li tfasslet waqt is-summit fil-Kosta tal-Avorju fl-2017, li fost oħrajn enfasizza l-importanza tal-ekonomija diġitali għall-Afrika u l-Unjoni Ewropea.
Mal-wassla tiegħu fi Vjenna, il-Prim Ministru Muscat iltaqa’ ma’ komunità ta’ Maltin li jgħixu fl-Awstrija. Waqt riċeviment sabiex jitfakkar l-44 anniversarju minn meta Malta saret repubblika, il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey tax-xogħol utli li qed tagħmel biex tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Prim Ministru sellem lill-Maltin li kienu preżenti u rringrazzjahom talli jkomplu jagħmlu unur lil pajjiżna permezz ta’ diversi xogħlijiet li qed jagħmlu barra minn xtutna. L-Ambaxxatriċi għall-Awstrija qalet li l-Maltin li jgħixu fl-Awstrija huma l-veru ambaxxaturi għall-pajjiżna.
Minbarra numru ta’ persuni li jgħixu fl-Awstrija involuti f’diversi oqsma tal-kummerċ bħas-sigurtà u turiżmu fost l-oħrajn, preżenti wkoll kien hemm numru ta’ konsli onorarji. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru Carmelo Abela, u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.