F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri nedew it-tieni rawnd tal-vouchers tal-mitt ewro.
Qal, “Illum se nkunu qegħdin inniedu l-iskema tal-vouchers bil-għan li jibdew jintefqu kif diġà wiegħdna mis-7 ta’ Ġunju li ġej. Qed nallokaw għal dan il-għan €50 miljun.”
Il-Prim Ministru fakkar kif bl-aħħar skema ta’ vouchers li tqassmu tul l-2020, għal kull ewro li l-poplu nefaq bil-vouchers, nefaq ewro ieħor.
Tenna li l-vouchers taw spinta bla preċedent lit-turiżmu intern.
Tenna li, “Biex nieħdu idea tal-kobor tal-miżura. Fl-2019 it-total ta’ flus minfuqa mill-Maltin u Għawdxin fit-turimu intern kien ftit anqas minn €40 miljun. Bil-vouchers intefqu €90 miljun. Jiġifieri b’inizjattiva waħda u fi ftit xhur.”
Apparti l-għajnuna kbira lin-negozji, il-vouchers fissru wkoll ħolqien ta’ aktar impjiegi.
Qal, “Bil-vouchers inid ngħid li huwa kkalkulat li nħoloq xogħol għal madwar 1,900 ħaddiem li minnhom elf kienu fl-akkomodazzjoni u r-ristoranti u 500 fil-ħwienet.”
Fl-istess konferenza tkellem ukoll il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li ta spjegazzjoni ċara dwar dan it-tieni rawnd ta’ vouchers.
Spjega, “Se nagħtu erba’ vouchers ta’ €15 li jammontaw għal €60 u erba’ vouchers oħra ta’ €10.”
Għal dan it-tieni rawnd ta’ vouchers, Schembri sostna li se jkunu jistgħu jitniżżlu b’mod diġitali.
Qal, “Dawk li jixtiequ jniżżlu l-vouchers b’mod diġitali għandkom imorru fuq is-sit wallet.vouchersmimcol.com u hemhekk ikunu jistgħu iniżżlu l-voucher tagħhom. Jistgħu iniżżlu l-vouchers tagħhom minn issa sal-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju.”
Dawk li ma jniżżlux il-vouchers online se jkunu qed jintbagħtulhom b’posta rreġistrata ġaladarba jitlesta l-proċess ta’ verifika minn fuq is-sit.
Fuq l-istess sit hemm ukoll żewġ sezzjonijiet t’għajnuna għall-konsumatur kif ukoll għas-sidien tal-intrapriżi. Spjega li hemm madwar 25,000 stabbiliment eliġibbli li jaċċettaw dawn il-vouchers.
F’din l-iskema il-vouchers se jkunu eliġibbli għaċ-ċittadini Maltin u ċittadini barranin b’permess tar-residenza validu.
Qal li l-vouchers se jitqasmu lin-nies u li jkunu għalqu s-16-il sena sal-aħħar tax-xahar li għadda.