Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għat-tnedija ta’ investiment multi-miljunarju li se jibdel l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’lukana ewlenija f’pajjiżna ġie spjegat kif fl-ewwel fażi ta’ dan l-investiment hemm mal-kwart ta’ biljun ewro ddedikati għal proġett ta’ sitt snin, li jinkludi, fost oħrajn, medda ta’ art għall-użu ta’ enerġija rinovabbli ġejja minn pannelli fotovoltajiċi. Dan se jfisser li l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa aktar milli se jirdoppja.
Dan apparti xogħol ieħor fis-sistema tad-dawl fl-ajruport li se ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Fid-diskors tiegħu waqt din it-tnedija importanti, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-investiment privat mill-MIA mhuwiex biss wieħed ta’ kwalità, għax għandu l-għan li jtejjeb l-esperjenza tal-passiġġieri, iżda hu investiment li jagħti prijorità lill-miri ambjentali li għandu pajjiżna biex jikseb in-newtralità tal-karbonju.
Fil-fatt, dan il-prinċipju ambjentali kien jiddomina l-messaġġ li għadda l-Prim Ministru li juri att ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Abela saħaq li d-direzzjoni ċara li qed tingħata hi favur investimenti li jħaddnu l-prijoritajiet il-ġodda marbutin mal-qalbiet ambjentali, fost oħrajn.
Sadanittant, Dr Abela nnota kif il-fiduċja fil-viżjoni ekonomika li għandu pajjiżna ġejja fi żmien fejn l-ekonomija Maltija kompliet tikber anke aktar minn dak previst.
Hu saħaq ukoll fuq id-deċiżjoni strateġika li biha l-Gvern jibqa’ jipproteġi lin-nies, iżda anke jixpruna l-konsum privat, inkluż l-ivvjaġġar. Dan b’rabta mal-għajnuna kbira favur prezzijiet stabbli tal-enerġija. Qal kif, wara sentejn ta’ pandemija u l-Gwerra fl-Ukrajna, fl-Ajruport Malti l-moviment tal-passiġġieri diġà qabeż iċ-ċifri rekord ta’ qabel il-pandemija, sentejn qabel mistenni.
Indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg, hekk kif sostna l-importanza ta’ proġett ta’ dan it-tip li miegħu jmissu 95% tat-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin.
“Illum ħabbarna investiment ta’ €250 miljun li huwa essenzjalment maqsum fit-3 binarji separati. Għandek il-binarju li huwa operattiv, kif għidt l-infrastruttura tagħna, kemm fl-airfield kif ukoll it-terminal, għandna wkoll il-binarju tas-sostenibbiltà u wkoll il-binarju tal-Campus tagħna li se ninvestu fih. Jekk nibdew forsi bl-ewwel binarju tat-terminal dis-sena se nilħqu rekord ieħor ta’ passiġġieri. Qed nimmiraw li jkollna €7.8 miljun passiġġier u din ittina l-kunfidenza li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura tagħna.”
Alan Borg – Kap Eżekuttiv tal-MIA
Hu sostna li din l-ewwel fażi tal-proċess se tittratta r-riġenerazzjoni u l-espansjoni tat-terminals u l-proġett tal-Apron X li se tara l-iżvilupp ta’ medda ta’ art daqs 14-il grawnd tal-futbol biex jiġu mmaniġġjati aħjar l-operazzjonijiet tal-ajru, partikolarment fiż-żmien tas-sajf.
Borg spjega wkoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri ambjentali li, permezz tagħhom, l-enerġija nadifa ġġenerata se titla’ minn 30% għal 70%.
“Numru ta’ investimenti qawwija fis-sostenibbiltà. Aħna għandna target li rridu nkunu net zero sa 2050 u allura rridu nkomplu ninvestu f’dan il-binarju. Pereżempju ħa nkunu qed nibdlu l-bozoz kollha fuq l-airfield. Sa 2025 l-bozoz kollha li għandna fuq l-airfield se jinqelbu kollha għal LED li huma ħafna iktar effiċjenti u ovjament jikkunsmaw inqas elettriku.”
Alan Borg – Kap Eżekuttiv tal-MIA