It-Tlieta waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela xehed fil-kawża Kostituzzjonali dwar immigranti li fl-eqqel tal-pandemija fl-2020, ġew salvati minn fuq il-baħar u nżammu abbord dgħajjes ’il barra mill-kosta Maltija.
Il-kawża nfetħet minn 32 immigrant li qed jgħidu li d-deċiżjoni, li jinżammu fuq l-ilma għal aktar minn xahar, kisret id-drittjiet fundamentali tagħhom.
Hekk kif beda jagħti x-xhieda tiegħu, Dr Abela spjega li s-salvataġġ kien fdat lill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li hu kien infurmat b’dak li kien qed iseħħ. Hu enfasizza wkoll li din id-deċiżjoni kienet waħda kollettiva.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll l-isfond li fih ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet u fakkar kif dan kien fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19 fejn pajjiżna kellu emerġenza ta’ saħħa pubblika, b’portijiet u ajruport magħluqin, waqt li persuni la jistgħu jidħlu u joħorġu mill-pajjiż.
F’dan il-kuntest, Dr Abela tenna li l-Gvern sab il-bilanċ bejn il-prinċipju li jsalva l-ħajjiet filwaqt li jirrispetta l-obbligi relatati mal-emerġenza tas-saħħa pubblika. Madankollu rrimarka kif il-persuni salvati dejjem inżammu komdi hekk kif dejjem ingħataw fost oħrajn l-ikel, provvista ta’ mediċini u ħwejjeġ fost ħafna iktar. Hawn il-Prim Ministru sostna wkoll li l-kundizzjonijiet f’dak iż-żmien partikolari ta’ pandemija ma’ kinux perfetti għal ħadd, lanqas għall-poplu Malti u Għawdxi, li wkoll kien suġġett għal restrizzjonijiet iebsin.
Mistoqsi dwar soluzzjonijiet alternattivi, il-Prim Ministru rrimarka li ma kienx hemm, hekk kif iċ-ċentri ta’ detenzjoni f’pajjiżna kienu mimlijin u pajjiżna kien ukoll qed jiffaċċja influss qawwi ta’ immigranti b’aktar minn 650,000 persuna fuq il-kosta Libika jistennew biex jitilqu bid-dgħajjes.
Quddiem l-Imħallef Toni Abela, il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll għaliex il-persuni nżammu ’l bogħod mill-gżejjer Maltin. Huwa spjega li dan sar għax riedet tiġi evitata sitwazzjoni fejn, billi d-dgħajsa tkun qrib l-art, il-persuni salvati jaqbżu l-baħar biex jidħlu pajjiżna bl-għawm. Sostna li hemmhekk il-periklu li jitilfu ħajjithom kien ikun ikbar.
Mal-midja l-Prim Ministru sostna wkoll kif fl-isfond ta’ dawn l-iżviluppi kollha, pajjiżna semma leħnu mal-Kummissjoni Ewropea.
Qal, “Dakinhar, kienet għaddiet ħidma b’saħħitha wkoll mal-Kummissjoni Ewropea fejn fehmniha kemm ma jistax ikun li l-obbligu jew il-prinċipju tas-solidarjetà ma japplikax. Ma jistax ikun li meta qed nitkellmu dwar territorju formanti parti mill-Unjoni Ewropea, ikun pajjiż ċkejken bħal Malta jew Lampedusa li jerfgħu l-piż kollu tal-immigrazzjoni ġejja min-naħa tal-Afrika ta’ Fuq.”
Intant fl-istess seduta xehed ukoll il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Huwa spjega kif, apparti li ngħataw is-servizzi kollha neċessarji lill-persuni salvati fuq id-dgħajjes, kull min kien vulnerabbli, inkluż nisa u tfal, ġew trasferiti mill-ewwel fuq l-art.
B’referenza għad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li d-deċiżjoni li l-persuni jiġu salvati u jinżammu fuq id-dgħajjes, kienet deċiżjoni kollettiva, il-Ministru Byron Camilleri spjega li din tfisser li tkun deċiżjoni tal-Gvern kollu.
Il-Ministru Camilleri spjega wkoll li waqt li l-persuni kienu abbord id-dgħajjes, il-Gvern Malti ħadem qatigħ biex l-istess persuni jiġu rilokati legalment f’pajjiżi oħrajn Ewropej.