Il-Prim Ministru Robert Abela appella biex il-Kunsill Lokali tal-Mosta, li ħa deċiżjoni unanima dwar it-12-il siġra li għandhom jinqalgħu fil-Mosta u jitħawlu f’żona oħra fl-istess lokalità, għandu jikkomunika aħjar mal-pubbliku u jerġa’ jisma’ lin-nies.
“Jekk hemm bżonn wieħed jirrikunsidra d-deċiżjoni jew id-deċiżjoni tkun iżjed infurmata mal-pubbliku”, spjega l-Prim Ministru hu u jaċċenna li l-widnejn għandhom jibqgħu miftuħa għall-opinjoni tal-pubbliku.
Dr Abela saħaq li ma għandux dubju mir-rieda tajba tal-membri fil-Kunsill Lokali tal-Mosta u nnota kif it-12-il siġra tal-ficus kellhom jinqalgħu u jitħawlu biex jgħixu f’żona oħra skont anki parir tal-esperti li dan jista’ jsir fil-perjodu ta’ bejn Novembru u Frar.
“Mhux se jsir xi konkrit jew konkos flok is-siġar li għandhom jinqalgħu”, irrimarka l-Prim Ministru li iżda saħaq dwar is-sensittività tal-aspettattiva tan-nies.
Dwar Andre Callus mill-Moviment Graffitti qal li se jistiednu għal laqgħa.
“Għandi rispett lejn it-tennaċità illi juri fil-kawża tiegħu”, qal il-Prim Ministru hu u jisħaq l-jedd ta’ xi ħadd jipprotesta b’mod paċifiku għandu dejjem jiġi rispettat.
Dan fl-istess waqt li l-Pulizija għandha d-dover li żżomm il-bon ordni li trid tagħmlu fil-qies u fil-parametri tal-liġi.
AQRA AKTAR: